Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li mhu se jieħu ebda azzjoni fil-konfront tad-Deputati li fl-aħħar ġimgħat reġgħu qalulu biex iwarrab minn Kap tal-Partit.
Mistoqsi mill-MaltaToday x’azzjoni se jieħu fil-konfront tad-deputati li fi kliemu qegħdin jirrikattaw lill-Partit meta jiġi biex jagħmel ir-reshuffle fil-grupp parlamentari, Delia qal li se jibda jħares lejn l-abbilitajiet tagħhom.
Huwa stqarr: “Il-ħsieb tiegħi mhux li tippremja jew ma tippremjax.”
Delia qal dan 12-il jum wara li fil-Mellieħa ħadha qatta’ bla ħabel kontra 16-il Deputat li qalulu iwarrab minn Kap. Huwa sostna: “Imma l-ebda persuna, l-ebda grupp ta’ persuni, m’huma se jitħallew li l-PN jagħmluh tagħhom għax jaħsbu li għandhom id-dritt divin li jibqgħu hemm u jżommu l-partit rikattat għal dejjem.”
Mistoqsi jekk bl-atteġġjament tiegħu hux jagħti l-impressjoni li m’għandux saħħa fil-grupp parlamentari Nazzjonalista, Delia qal li għandu s-saħħa. Huwa wieġeb: “Ma tagħtix l-impressjoni li m’għandekx saħħa fil-grupp – jien naħseb bil-maqlub.”
Delia qal li l-ikbar għajta li għandu bħalissa hi biex jagħmlu minn kollox biex kemm jista’ jkun jidhru magħqudin. Huwa tenna: “Inti biex tkun magħqud ma tistax toqgħod tkabbar tikkustinja tiġġieled ma’ kulħadd.”
Żied li l-inkwiet fil-Partit huwa parti minn proċess li se jwassal għall-qbil / Iżda mbagħad qal li hemm l-estremi u li dawn iridu jagħmlu pass lura: Delia kompla jgħid: “U mbagħad hemm l-estremi u dawk l-estrremi fejn persuni jurik li bl-ebda mod ma jrid jasal jaħdem jew għallinqas jifhem li f’team inti trid tagħmel pass lura xi minn daqqiet trid tħalli l-kollettiv jaħdem allura mbaghad dik il-persuna mhux ghax jien qed nirreaġixxi, imma dik il-persuna qed turi li m’għandhiex ir-rieda li taħdem fil-kollettiv.”
Il-Viċi Kap Nazzjonalista uxxenti Robert Arrigo kien qal li r-reshuffle kellu jsir f’Diċembru li għadda iżda kellu jiġi pospost minħabba l-inkwiet kbir li reġa’ feġġ fil-Partit Nazzjonalista.