Il-kumpanija tal-ajru easyJet għażlet lill-kumpanija Maltija SR Technics biex tagħmel manutenzjoni tal-flotta tal-ajruplani tagħha għall-ħames snin li ġejjin. Dan il-qbil ġie iffirmat fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-CEO tal-kumpanija SR Technics.
S’issa SR Technics timpjega mal-180 impjegat li permezz ta’ dan il-ftehim għandhom il-post tax-xogħol assigurat għall-ħames snin li ġejjin u li magħhom mistennija jiżdiedu mal- 35 impjegat ieħor. F’kummenti ma’ one.com.mt, il-kap tal-inġinerija u manutenzjoni,Ian Davies, stqarr li kien propju s-servizz eċċellenti tal-ħaddiema Maltin fis-snin preċedenti li ġiegħel lil easyJet tagħżel lil Malta fost tnax il-bażi Ewropea.
In-numru ta’ ajruplani li se jsir xogħol ta’ manutenzjoni fuqhom huwa ta’ 252 li mistenni jiżdied għal 300 sas-sena 2020. Għaldaqstant f’pajjiżna se jkun hawn erba’ ajruplani issirilhom il-manutenzjoni fl-istess ħin.