Il-linja tal-ajru EasyJet se tintroduċi żewġ titjiriet fil-ġimgħa minn pajjiżna lejn l-Ajruport John Lennon f’Liverpool fit-Tramuntana tal-Ingilterra. Dawn it-titjiriet, li mistennija jibdew mill-għaxra ta’ Diċembru li ġej, se jkunu għall-bejgħ matul ix-xhur kollha tas-sena.
Din hi parti minn żieda f’rotot ġodda li l-linja tal-ajru low-cost għadha kemm ħabbret diversi, fosthom lejn Praga fir-Repubblika Ċeka, Marrakech fil-Marokk, Berlin fil-Ġermanja u Fuerteventura fil-Gżejjer Kanarji.
Attwalment minn Liverpool, l-Easyjet topera seba’ ajruplani b’kapaċità li ġġorr maż-żewġ miljun persuna fis-sena lejn tnejn u tletin destinazzjoni.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-Prim Ministru Malti Robert Abela ppresieda fuq l-iffirmar ta’ ftehim li bih il-linja tal-ajru EasyJet akkwistat l-SR Technics, il-kumpanija stazzjonata f’Malta u tispeċjalizza fil-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani.
Hawn EasyJet ħabbret li se tinvesti fil-faċilità li l-SR Technics għandha f’Ħal Farruġ, fil-limiti ta’ Ħal Luqa, biex fiha tinħoloq faċilità għall-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani kollha tagħha.
Dan il-ftehim fisser li issa f’Malta se jkun hawn stazzjonati tliet linji tal-ajru ewlenin fl-Ewropa bil-faċilitajiet tagħhom ta’ manutenzjoni u tiswija tal-ajruplani, wara dawk tal-Lufthansa u r-Ryanair.