Matul dan it-tmiem il-ġimgħa, madwar 30,000 ruħ mistennija joħonqu l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival prestiġġjuz ‘Earth Garden’.
Kif ilu jagħmel sa mis-sena 2007, dan il-festival mużikali popolari se jservi ta’ pjattaforma fejn jiżżewġu n-natura, il-mużika, id-diversita, u l-ħajja.
Ir-ritorn bil-kbir, dis-sena, tal-Earth Garden se jservi biex dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-mużika u li ilhom jistennewh għal dawn l-aħħar sentejn minħabba l-imxija tal-Covid 19, se jkollhom fejn jixxalaw minħabba li se jkun hemm xejn inqas minn ħames palkijiet.
Fuq dawn il-ħames palkijiet se tiddomina mużika minn madwar id-dinja: mużika reggae, l-alternative Rock, id-Dub, il-Hip-Hop, is-Psychedelic Trance, it-Techno, l-Acid, il-House, l-Electro, id-Drum ‘n’ Bass, u aktar.
Din id-darba wkoll l-Earth Garden se jissensibilizza lil dawk li se jattendu dwar diversi aspetti marbuta mal-ambjent. Dis-sena, esklussivament, se jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-mobile unit tal-kampanja Nazzjonali tal-Konservazzjoni tal-Ilma bit-tema ‘Water Be the Change’. Il-kampanja se tkompli tinforma lill-pubbliku dwar kif jista’ jiffranka l-ilma d-dar, fil-postijiet tax-xogħol, u saħansitra fis-settur agrikolu, fost oħrajn.