Minn Marzu tal-2020 sa Diċembru li għadda, l-industrija tal-films f’Malta ġġenerat €98 miljun fl-ekonomija. Dan minkejja x-xhur diffiċli li d-dinja kollha esperjenzat kawża tal-pandemija.
Ħabbar dan il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Grech spjega kif tul il-pandemija saru wieħed u tletin produzzjoni f’Malta li jvarjaw minn dawk lokali għal dawk minn pajjiżi bħall-Italja, in-Norveġja, il-Ġappun, fost oħrajn.
Qal kif is-sena li għaddiet kienet waħda ta’ suċċess li xprunat tnejn u għoxrin produzzjoni li minnhom ġew iġġenerati €68 miljun.
“F’pajjiżna s-sena li għaddiet kellna 22 produzzjoni li ġġeneraw fl-ekonomija ta’ pajjiżna madwar €68 miljun. Dan ifisser xogħlijiet, għalhekk is-sena li għaddiet komplejna naħdmu fuq l-istrateġija tagħna biex b’hekk inkomplu noħolqu l-opportunità u nikkreaw aktar karrieri u aktar xogħol fejn verament qed naslu biex noħolqu industrija sostenibbli tal-films f’pajjiżna.”
Johann Grech spjega kif permezz ta’ ħidma sfieqa, mill-elfejn u dsatax ’l hawn, l-industrija tal-films f’Malta qed tħalli l-frott tant li tul l-aħħar tliet snin ġew iġġenerati aktar minn 2,000 impjieg. Spjega kif din it-turija kif din l-industrija qed tixpruna aktar opportunitajiet għal uliedna.
Il-Ministru Clayton Bartolo aċċenna dwar l-importanza tal-industrija tal-films fejn qal kif din kompliet turi kemm hija waħda reżiljenti, anke matul il-pandemija.
Dan kollu huwa grazzi kemm għall-produzzjonijiet lokali u produzzjonijiet li nġibu matul is-sena kollha sabiex aħna naraw li din tkun industrija li minn waħda staġjonali ssir waħda sostenibbli. Inkomplu noħolqu l-karrieri u l-impjiegi fiha u nkomplu nagħtu l-opportunitajiet u t-talent lokali biex dan ikompli dejjem jiffjorixxi u jkompli jogħla fil-livell.”
Sostna kif din l-industrija qed tkompli titrasforma hekk kif inbidlet f’waħda sostenibbli li toħloq karrieri għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Bartolo temm billi rringrazzja lil kull min jaħdem f’din l-industrija hekk kif mingħajrhom din il-kisba ma kinitx tkun possibbli.