Seba’ u tletin proġett minn diversi każini tal-banda madwar Malta gawdew minn fondi permezz tal-iskema ‘It-Taħriġ Mużikali għaż-Żgħażagħ’ b’investiment ta’ ħamsa u disgħin elf ewro.
Permezz ta’ din l-iskema ġiet rikonoxxuta l-ħidma ta’ dawn il-każini li jgħallmu u jqarrbu eluf ta’ żgħażagħ lejn il-mużika filwaqt li huma pilastru kulturali fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin.
Il-proġetti magħżula jvarjaw minn investimenti f’aktar strumenti mużikali ġodda għal titjib fl-ambjent tal-klassijiet u kampanji biex jiġu attirati aktar nies t’età żgħira lejn il-mużika.
L-iskema qed tkun immexxija b’ħidma konġunta bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Għaqda Każini tal-Banda.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Theuma rrimarkat kif l-investiment dirett fil-każini ser jammarhom b’aktar faċilitajiet biex iressqu lejhom aktar żgħażagħ.
Theuma stqarret, “L-idea hi li aħna għamilna din l-iskema biex il-każin iħajjar iż-żgħażagħ jersqu aktar lejn il-każin, jgħallem iż-żgħażagħ l-mużika u barra li jgħallem iż-żgħażagħ il-mużika ukoll ikun jista’ jipprovdilhom l-istrumenti.”
Din l-iskema ntlaqgħet tajjeb ħafna u xhieda ta’ dan kienu rappreżentanti ta’ soċjetajiet mużikali differenti li nnutaw kif wara li l-pandemija naqqset b’mod drastiku d-dħul tal-każini dawn il-fondi qed jimlewhom b’kuraġġ biex ikomplu l-ħidma tagħhom.
Qalu, “Dawn l-iskemi huma mportanti ħafna għall-każini tal-baned, huma investiment dirett fit-tagħlim mużikali taż-żgħażagħ u l-mużiċisti tal-każini tal-baned. Hija ta’ benefiċċju kbir għaliex l-ispejjeż ikunu kbar biex tgħallem. Aħna kollox b’xejn, trid tixtrilu l-istrumenti lill-alliev.”
L-Għaqda Każini tal-Banda innutat kif l-impenn tal-Gvern li jkompli jrawwem u jinċentiva t-tagħlim mużikali huwa sinjal ta’ fiduċja fil-każini tal-banda.
Il-Ministru responsabbli mill-kwalità tal-ħajja u l-volontarjat, Julia Farrugia Portelli innutat kif din l-iskema ser tkun qed tilħaq waħda mill-miri tal-istrateġija nazzjonali taż-żgħażagħ.
Farrugia Portelli tenniet, “L-istrateġija nazzjonali taż-żgħażagħ titkellem b’mod ċar li l-importanza li l-Gvern Malti jagħti liż-żgħażagħ tagħna biex ikunu parteċipi f’oqsma differenti. U nemmnu li dan il-fond ser ikun qiegħed jagħti dik l-imbuttatura ‘l quddiem lis-soċjetajiet mużikali.”