L-Għaqdiet Volontarji reġistrati f’Malta u f’Għawdex se jerġgħu jgawdu minn allokazzjoni oħra ta’ disa’ mitt elf ewro bħala parti mill-iskema ta’ assistenza operattiva għall-għaqdiet volontariji matul ix-xhur xhur tal-pandemija.
B’hekk f’sena l-Gvern se jkun investa b’mod dirett mal-ħames miljun ewro fis-settur tal-volontarjat.
Dan l-investiment jikkumplimenta l-akbar investiment dirett li qatt sar fis-settur tal-volontarjat li kien jammonta għal erba’ miljun u mitt elf ewro u li salva ‘l fuq minn disa’ mitt impjieg, li minnhom mija u erbgħin għaqda volontarja gawdew minn din l-iskema.
Il-President tas-Soċjetà Filarmonika San Bartilmew, Jesmond Aquilina saħaq li dawn il-fondi se jkomplu jgħinu lis-soċjetà fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo spjega kif matul il-pandemija bosta mill-attività kellha tieqaf iżda s-settur tal-volontarjat xorta baqa’ għaddej speċjalment fl-oqsma ta’ servizzi u ta’ appoġġ lil nies li ġew affettwati mill-pandemija.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Noel Camilleri qal li l-fondi huma ta’ sostenn effettiv għas-settur tal-volontarjat
“L-estensjoni ta’ dan il-fond propju ta’ kważi miljun ewro propju se jgħin sabiex dawk l-għaqdiet volontarji li għandhom numru ta’ impjegati tagħhom ma jieqfux mil-ħidma tagħhom u ikomplu jaħdmu sabiex jagħtu servizz tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima ħabbar li dan il-fond t’għajnuna qed ikompli jassigura l-eżistenza u jagħti nifs ta’ ħajja lil dawn l-għaqdiet li fl-aħħar xhur ġew affettwati b’mod negattiv minħabba l-mod limitat kif kellhom jaħdmu u jiġġeneraw id-dħul tagħhom.
“Ħabbarna estensjoni ta’ skema partikolari illi fl-aħħar tnax-il xahar biss tajna aktar minn ħames miljun ewro lil dan is-settur. Settur li kellu bżonn l-għajnuna tagħna bħala Gvern sabiex propju jibqa’ jeżisti.”