L-artisti Għawdxin se jkollhom l-opportunità jipproponu l-attivitajiet tagħhom u jiżviluppaw proġetti artistiċi mill-komunità għall-komunità, permezz ta’ kwart ta’ miljun ewro fondi li ngħataw mill-iskema tal-Gozo Cultural Events.
Dawn il-fondi jagħmlu parti minn €900,000 ddedikati għal attivitajiet u inizjattivi kulturali organizzati mill-Ministeru għal Għawdex.
L-applikanti jistgħu jkunu organizzazzjonijiet volontarji, individwi jew gruppi indipendenti, entitajiet u kunsilli lokali, li jkunu jixtiequ jtellgħu attivitajiet kulturali.
L-applikanti kollha jridu jkunu ċittadini Maltin, u jkollhom indirizz permanenti f’Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li filwaqt li jiċċelebra d-diversità kulturali, dan il-fond se jkun qed jgħin proġetti b’mod finanzjarju biex jinkoraġixxi parteċipazzjoni kulturali attiva.
Dan fl-istess ħin li jippromwovi t-talent lokali, u jenfasizza fuq l-espressjoni kreattiva tal-komunità.
Il-Ministru Camilleri fisser: “Ser nagħtu l-ispazju neċessarju sabiex joħorġu bil-proġetti huma, joħorġu bl-attivitajiet huma, kif ukoll ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-fond sabiex inkomplu nippromwovu l-kultura, l-events, fil-gżira tagħna.”
Il-Ministru temm jgħid li din l-għajnuna finanzjarja se sservi biex il-kalendarju kulturali f’Għawdex ikompli jissaħħaħ b’aktar attivitajiet li jattiraw lejn Għawdex, Maltin u turisti matul is-sena kollha.