L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, se tgħaddi disgħin elf ewro liċ-Ċentru tar-Reġjun biex tul it-tliet snin li ġejjin ikun żviluppat is-sit VisitMalta Virtual. Dan se jesibixxi l-patrimonju kulturali fil-lokalitajiet fiċ-ċentru ta’ Malta. Dawn jinkludu Birkirkara, San Ġwann, Tas-Sliema u l-Iklin.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie ffirmat dan il-ftehim, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega l-ħidma biex Malta tkun żona turistika waħda. Żied ukoll li n-niċċa tat-turiżmu reliġjuż għandha l-potenzjal li tintroduċi lokalitajiet li jinsabu fuq iċ-ċentru tal-pajjiż fuq il-katalgu turistiku.
Qal, “Irrid nara li nkomplu ninvestu biex dawn ir-rikkezzi li għandna jkomplu jaslu għand it-turisti u l-familji Maltin u Għawdxin biex dan l-investiment irendi. Irendi anke f’sens li naraw li pajjiżna jkun ċentru t’eċċellenza turisika biex anke grazzi għan-niċċa tat-turiżmu reliġjuż nibnu settur reżiljenti u sostenibbli għaż-żmien li ġej.”
Id-Direttur għall-Iżvilupp tal-Prodott Turistiku fl-MTA, il-Perit Kevin Fsadni, qal li b’dawn l-inizjattivi, it-turisti jitħajru jżuru dawn it-tip ta’ rħula wkoll anke jekk qabel ma kinux sinonimi mal-attività turistika.