Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura sptar privat f’Ħal Qormi li mhux biss se jkun qed joħloq 40 impjieg ġdid, iżda permezz ta’ ftehim mal-Gvern, se jkun qed ikompli jnaqqas il-lista ta’ stennija għall-operazzjonijiet tal-ortopedija.
Dan l-isptar huwa riżultat ta’ investiment ta’ €9,000,000, b’ €150,000 minnhom ġejjin minn fondi Ewropej. St Thomas Hospital huwa mgħammar bl-aħħar teknoloġija fosthom CT scanner avvanzat li huwa l-ewwel tat-tip tiegħu f’pajjiżna.
Wara ftehim bejn l-amministrazzjoni tal-isptar St Thomas u l-Gvern, f’dan l-isptar li huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ “Boutique Hospital”, se jkunu qed isiru 200 operazzjoni fl-ortopedija.