Il-Gvern nieda l-fond ta’ ħamsa u tmenin elf ewro li mistenni jagħti appoġġ lil għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu għall-ħarsien tal-annimali. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, li żied jgħid li l-Gvern alloka għoxrin elf ewro aktar għal dan il-fond milli kien alloka s-sena li għaddiet.
“Propju permezz ta’ dan il-fond, ħamsa u tmenin elf ewro għal din is-sena li ġejja, se nkunu qegħdin ngħinu aktar NGOs sabiex inkomplu wkoll insostnu l-politika tagħna favur il-ħarsien tad-drittijiet tal-annimali.” Qal is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri
Fl-elfejn u tmintax tlettax-il għaqda bbenefikaw minn dawn il-fond, u użaw dawn il-flus neutering, mediċini, kif ukoll sostenn biex tinfetaħ klinika.
Huwa semma wkoll kif flimkien mas-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis tnieda fond ta’ mija u għoxrin elf ewro biex il-Kunsilli Lokali jagħtu servizzi għall-ħarsein tal-annimali fil-komunità.
Camilleri elenka kif kien dan il-Gvern li żied l-għajnuniet b’mod dirett lil dawn l-NGOs, u kien dan il-Gvern li permezz tal-fond il-ġdid se jkun qed jiġi trattat il-ħarsien xieraq anka fil-komunitajiet. Dan filwaqt li żdiedu wkoll il-pieni għal min jaħqar l-annimali.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri temm jgħid li l-Gvern huwa determinat li jkompli jaħdem mal-imsieħba kollha biex jitwettqu aktar proġetti u inizjattivi favur il-ħarsein tal-annimali.