Is-sena elfejn tnejn u għoxrin kienet sena rekord għad-dinja tal-films fil-gżejjer Maltin hekk kif iddaħħlu ‘l fuq ħamsa u tmenin miljun ewro fl-ekonomija minn erbgħa u għoxrin produzzjoni li saru f’pajjiżna matul is-sena.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, u l-Kummissarju tal-Films, Johann Grech.
Johann Grech spjega liis-sena elfejn tnejn u għoxrin kienet l-aqwa sena tul dawn l-aħħar għaxar snin għall-films fejn permezz tal-erbgħa u għoxrin produzzjoni li saru, kemm Maltin kif ukoll barranin, aktar minn disa’ mitt Malti u elf persuna mhux Maltija ħadmu f’dan il-qasam.
Spjega kif matul dawn l-aħħar ħames snin saret ħidma sabiex settur li kien jitqies bħala wieħed tal-part-time jinbidel f’wieħed li joffri opportunità għal karriera b’saħħitha għall-Maltin u l-Għawdxin.
“Is-sena 2022, kienet sena rekord għall-films hekk kif kienet l-aqwa sena f’għaxar snin fejn 24 produzzjoni, Maltin u barranin, jinħadmu f’pajjiżna. Tajna l-opportunitajiet għal disa’ mitt persuna Maltija jaħdmu fil-films u wkoll kien hawn ‘l fuq minn elf persuna barranija jaħdmu fuq dawn il-produzzjonijiet. Issa rridu nkomplu nħarsu ‘l quddiem u nkomplu naħdmu għal aktar xogħol u għalekk irridu aktar nies jingħaqdu magħna. Dan għaliex aktar nies jingħaqdu magħna tkun tfisser li nkunu qed nattiraw aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna.”
Grech qal li saret ħidma biex dan isir settur sostenibbli li joffri opportunità lil kulħadd fejn sar investiment mill-aqwa sabiex Malta mhux biss tkun fuq il-mappa imma saħansitra tkun minn ta’ quddiem f’dan il-qasam.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li din l-aħbar hi waħda pożittiva ferm u li dan is-settur sar wieħed b’saħħtu li qed ikun ta’ kontribut għat-tkabbir ekonomiku.
Qal li l-ħidma mhux se tieqaf iżda se tkun qed titkompla permezz ta’ żewġ prinċipji: l-edukazzjoni u t-taħriġ. kif ukoll l-investiment kapitali u fiskali.
Spjega kif jemmen li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta tas-suċċess. Kien għalhekk li qed isiru masterclasses f’dan il-qasam sabiex l-industrija tibqa’ b’saħħitha.
“Matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jimbarka fuq kampanja ta’ marketing flimkien mal-Malta Film Commission, Screen Malta. Dan se jwassal biex nagħmlu lil pajjiżna aktar attraenti milli kien fis-snin ta’ qabel sabiex naraw aktar produzzjonijiet jagħżlu lil pajjiżna. B’hekk iwassal biex ikollna aktar blockbusters u anke films kemmxejn iżgħar. Dan hekk kif ilkoll kemm huma, huma kapaċi joffru iżjed opportunitajiet kemm lil min hu diġà stabbilit u anke lil min ikun irid jibda l-karriera tiegħu fid-dinja tal-films.”
Bartolo spjega li, permezz ta’ ħidma sfiqa, kif sar tul dawn l-aħħar snin, pajjiżna jkompli jattira aktar produzzjonijiet u li għalhekk jeħtieġ li jkollna r-riżors uman imħarreġ biex b’hekk din l-industrija tkompli toffri aktar opportunitajiet.