Fl-aħħar rapport annwali tiegħu dwar il-program ta’ ċittadinanza b’investiment, ir-regolatur tal-programm Carmel De Gabriele sostna li matul is-sena li għaddiet kompliet ix-xejra ’l isfel fl-applikazzjonijiet.
Dan konsegwenza diretta ta’ kompetizzjoni minn programmi simili li bdew joperaw pajjiżi oħrajn fl-aħħar xhur. Dan wara kritika inġusta li saret dwar dawn il-programmi, partikolarment fil-konfront tal-programm Malti.
Madankollu, ir-regolatur sostna li fix-xhur li ġejjin, l-applikazzjonijiet mistennija jerġgħu jibdew jiżdiedu f’livelli aħjar minn dawk li waslu bejn Lulju tal-2017 u Ġunju tal-2019.
Is-Sur Carmel De Gabriele tenna d-diżappunt tiegħu fil-konfront ta’ missjonijiet li ġew Malta mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew li ddeċiedew li jikkritikaw il-programm bla ma talbu laqgħa mal-uffiċċju tiegħu jew tal-inqas analizzaw ir-rapporti annwali.
Skont is-sitt rapport annwali maħruġ mir-regolatur tal-IIP joħroġ li bejn l-1 ta’ Lulju 2018 sal-aħħar ta’ Ġunju 2019 sar 311-il applikazzjoni, jiġfieri 19-il applikazzjoni inqas mit-12-il xahar ta’ qabel meta daħlu 330 applikazzjoni.
L-applikazzjonijiet kienu ġejjin minn seba’ reġjuni differenti tad-dinja bl-akbar ammont ta’ applikazzjonijiet baqgħu jsiru mir-reġjun tal-Ewropa segwiet mir-reġjun Asjatiku.
Ir-rapport juri wkoll li l-ammont ta’ applikazzjonjiet approvati wara proċess ta’ skrutinju kien jammonta għal 237 applikazzjoni.
Matul dan il-perjodu, l-għadd ta’ applikazzjonijiet li ġew irrifjutati jew irtirati kienu jammontaw għal 115, medja ta’ għaxar applikazzjonijiet fix-xahar. Dan kien ifisser 33% tal-applikazzjonijiet. Joħroġ ukoll li mindu tnieda l-programm, l-għadd ta’ applikazzjonijiet irrifjutati tela’ għal 23 %, żieda ta’ 3.5% miċ-ċifra rreġistrata fir-rapport tal-2018.
Ir-rapport juri wkoll li mindu tnieda l-programm, ġew approvati 1,054 applikazzjoni. Dan ifisser 58.6 fil-mija tal-massimu ta’ appliazzjonijiet li jista’ jkollu l-programm ta’ 1,800.
Matul dan il-perjodu, il-kontribuzzjonijiet miġbura mill-aġenzija kienu jammontaw għal kważi €163 miljun. Dan ifisser li mindu tnieda l-programm, il-Gvern daħħal kważi €835 miljun.