Mil-bidu ta’ din is-sena sa issa l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali, il-LESA tat kważi tmien mitt ċitazzjoni dwar scooters elettriċi li kienu ipparkjati b’mod perikoluż jew li kienu ta’ ostaklu fuq bankina.
Dan b’kuntrast qawwi man-numru ta’ ċitazzjonijiet li ngħataw fl-elfejn u għoxrin, li kienu biss erbgħa.
Informazzjoni li għaddiet il-LESA turi li min jinqabad jipparkja b’mod li jostakola l-bankini jingħata ċitazzjoni ta’ mija u erba’ ewro, li jfisser li sa issa, inġabru aktar minn tnejn u tmenin elf ewro f’ċitazzjonijiet.
Kelliem tal-Aġenzija kkonferma mal-ġurnal The Times li l-ammont sostanzjali ta’ ċitazzjonijiet jirrifletti wkoll ż-żieda fil-popolarità ta’ dawn l-iscooters. L-Aġenzija temmen ukoll li anke minkejja xi nuqqasijiet, dawn l-iscooters huma ta’ benefiċċju għall-komunitajiet, iżda hemm bżonn li jintużaw b’mod responsabbli u skont il-liġi.
Fil-fatt, il-liġi li tirregola l-użu ta’ dawn l-iscooters daħlet fis-seħħ fl-elfejn u dsatax u tipprojbixxi l-parkeġġ fuq il-bankini jekk ikunu ta’ ostaklu.