L-elf u tmien mitt għaqda volontarja f’pajjiżna se jkunu qed jibbenefikaw minn skema li matul is-snin dejjem qed tikber. Is-sena d-dieħla l-iskema se tkun ta’ tmien mitt elf ewro.
L-iskema għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, magħrufa bħala l-VOPS, immexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, toffri għajnuna finanzjarja bl-għan li l-għaqdiet ikomplu jimirħu fl-operat tagħhom. B’din l-iskema, se jkollhom l-opportunità li joħorġu b’inizjattivi inovattivi u sostenibbli għall-benefiċċju tal-komunitajiet li jaħdmu fihom.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li mill-2016 ’l hawn din l-iskema għamlet qabża kbira u b’kollox dawn l-għaqdiet volontarji bbenefikaw minn kważi ħames milun u sitt mitt elf ewro.
Hija qalet, “L-esperjenza mill-2016 s’issa urietna li ħafna mill-proġetti li kkwalifikaw u ħadu bejniethom 5.6 miljun ewro ħallew legat tanġibbli fil-komunitajiet tagħna u allura qed naraw li dan il-fond ta’ din is-sena huwa ikbar mis-soltu. Fond ta’ tmien mitt elf ewro u se jkompli jwassal dan il-ħolm tal-NGOs tagħna bi proġetti tanġibbli fl-irħula u l-ibliet tal-lokal.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo, qal li din is-sena ħarġu b’aspett ieħor li jkopri l-attivitajiet speċifiċi li joħorġu bihom dawn l-għaqdiet. Huwa ħeġġeġ li dawk l-NGOs li għadhom jibdew biex anki huma japplikaw għal din l-iskema, li tippermettilhom jaħdmu fuq diversi proġetti li minn dejjem ħolmu li jagħmlu.
Huwa qal, “Aħna, min-naħa tagħna, u l-VOPS fih innifsu, kien diġa fih l-aspetti ta’ proġetti – huma proġetti ġenerali; l-aspett ta’ infrastruttura kif ukoll l-aspett ta’ riċerka. Din is-sena żidna r-raba’ azzjoni, li hija l-aspett ta’ attivitajiet b’tali mod li jista’ jkollhom event partikolari speċifika li jkunu jridu jagħmlu għall-ewwel darba u aħna nkunu nistgħu nassistuhom bħala fondi.”
L-għaqdiet volontarji jistgħu japplikaw fuq is-sit elettroniku vofunding.org.mt.