Ġiet imnedija t-13-il edizzjoni ta’ esperjenzi ta’ xogħol fis-sajf għal studenti tal-ICT. Madankollu, din id-darba l-Gvern ser ikun qed iżid l-għajnuna hekk kif ir-rimbors fil-pagi mill-Gvern ser jiżdied minn 50% għal 75%. Din hija żieda ta’ 25% li hija ekwivalenti għal €500 jekk timpjega student fis-Sajf.
Iċ-Chairman eżekuttiv tal-MITA spjega kif din hija opportunità pożittiva kemm għall-istudenti iżda wkoll għal min iħaddem u għall-għaqdiet mhux governattivi.
Qal kif, “Huwa ta’ opportunitá għall-istudenti kemm tfajliet u kemm ġuvintur il-għaliex hemmhekk ikunu qiegħdin jieħdu l-esperjenza ta’ dak li jkunu qiegħdin ikollhom it-teorija tagħhom l-iskola. Min-naħa tagħhom l-employers ikunu qed jaraw l-istudenti x’isarrfu minn qabel imorru jaħdmu magħhom.”
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri spjega kif it-titjib u ż-żieda fl-investiment f’dan il-programm huwa turija ċara ta’ kemm il-Gvern jemmen fl-istudenti Maltin.
Spjega, “Meta ngħidu nemmnu fl-istudenti u ż-żgħażagħ tagħna mhux biss paroli iżda bil-fatti. Illum nedejna programm ieħor, edizzjoni oħra tal-‘istudent placement program’ fejn qed nallokaw ‘il fuq minn tminn mitt elf ewro sabiex noffru opportunità ta’ xogħol bi ħlas fis-Sajf ‘il fuq minn 850 student fenj dawn qiegħdin naraw li ntuhom l-opportunità minn fuq il-bank tal-iskola biex jieħdu esperjenza fattwali fuq il-post tax-xogħol, pero aktar minn hekk irridu naraw anke l-industrija privata li tagħti opportunità lil dawn iż-żgħażagħ.”
Matul l-aħħar ħames snin ġew investiti madwar żewġ miljun u nofs ewro fis-salarji tal-istudenti bħala parti minn din l-inizjattiva u ġew mgħejjuna ‘il fuq min 1,700 student. Għal iżjed dettalji dwar din l-opportunità l-istudenti tal-ICT ta’ livelli differenti jistgħu jidħlu fuq is-sit tal-MITA jew jibgħatu email fuq spp.mita@gov.mt.
L-applikazzjonijiet se jkunu qed jagħlqu fid-9 ta’ April