Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn nieda l-iskema ta’ restawr filwaqt li inawgura l-proġett ta’ restawr tan-niċċa ta’ San Loretu li sar mill-Kunsill Lokali tar-Rabat bil-fondi mogħtija mill-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru Camilleri qal li għat-tielet sena konsekuttiva, id-Direttorat ta’ EcoGozo fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ippropona li tinħareġ skema biex tassisti lill-Kunsilli Lokali Għawdxin u l-kumitati amministrattivi fir-restawr ta’ strutturi u monumenti oħra ta’ valur storiku u/jew artistiku li jinsabu fil-konfini tagħhom.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega kif l-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsill Lokali ta’ din is-sena se jkollha tliet tibdiliet mis-sena l-oħra. Dawn huma li l-Kunsilli Lokali jistgħu jissottomettu aktar minn applikazzjoni waħda (bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ma tkunx relatata ma’ aktar minn proġett wieħed ta’ restawr); li l-baġit totali li kull Kunsill Lokali jista’ jibbenefika minnu jiżdied għal €20,000; u li l-baġit totali allokat huwa ta’ €80,000 – żieda ta’ €10,000 fuq is-sena l-oħra.
Il-Ministru Camilleri stqarr li l-Ministeru għal Għawdex dejjem qed ipoġġi fuq quddiem nett tal-aġenda tiegħu l-kultura u l-arti, u li din l-iskema ta’ fondi se tkun qed tara numru ta’ kunsilli lokali japplikaw għaliha bi proposta waħda jew iktar biex jirrestawraw strutturi ta’ importanza storika bħal niċeċ, kappelli eċċ.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tar-Rabat Josef Schembri rringrazzja lill-Ministru Clint Camilleri għall-għajnuna kontinwa u stqarr li kieku ma kinitx l-għajnuna finanzjarja tal-ministeru, dan il-proġett ta’ restawr li laħaq l-€10,000 ma kienx ikun possibbli.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li din l-iskema se terġa’ tkun suċċess kif kienet fl-aħħar ftit snin, b’numru tajjeb ta’ proġetti ta’ restawr li qed jiġu implimentati.
Ritratti: MGOZ