Bħalissa fl-Italja għaddejjin l-aħħar modifikazzjonijiet fuq karozza speċjalizzata għal persuni f’siġġu tar-roti jew b’xi tip ta’ diżabilità oħra, biex jitħarrġu fiha.
Il-karozza, b’investiment ta’ €80,000, se tasal f’Malta daqt u hija mgħammra b’teknoloġija li tippermetti li persuna ssuq il-karozza mis-siġġu tar-roti stess.
Dan tħabbar fil-Jum Internazzjonali ddedikat għall-Persuni b’Diżabbiltà, fejn il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli ħabbret it-twettiq ta’ proposta oħra tal-manifest elettorali permezz ta’ dan l-investiment li qed isir.
Fl-Italja ġie spjegat li l-karozza tista’ tiġi misjuqa wkoll minn persuni b’kundizzjonijiet differenti permezz ta’ seat li jitwaħħal apposta. Il-karozza għandha fiha wkoll sistema awtomatika ta’ tifi tan-nar.
Il-modifikazzjonijiet tal-karozza huma mmirati għal kulħadd.
Persuni b’diżabbiltajiet differenti se jkunu jistgħu jirċievu taħriġ dwar din il-karozza mill-Aġenzija Sapport.
“Jekk persuna qiegħda f’siġġu tar-roti xorta tista’ titgħallem issuq il-karozza u xorta jista’ jkollha liċenzja tas-sewqan u jkollha l-karozza tagħha li tkun modifikata tailor made għaliha.”
Il-Ministru Farrugia Portelli ħabbret ukoll kif matul il-ġimgħa dedikata lill-persuni b’diżabbiltà, se jittellgħu numru ta’ attivatijiet bis-sehem tal-persuni b’diżabbiltà u tal-għaqdiet volontarji.
Min-naħa tiegħu, il-Maniġer tas-servizzi ta’ Aġenzija Sapport, Jonathan Formosa Vella tenna li b’din il-karozza, Aġenzija Sapport se tkun tista’ toffri s-servizzi tagħha aħjar biex tgħin persuni b’diżabilità jsiru aktar indipendenti.
“Permezz ta’ din il-vettura l-ġdida l-Aġenzija Sapport ħa tkun tista’ ssaħħaħ is-servizzi tagħha kemm dak ta’ assessjar tas-sewqan kif ukoll ta’ tagħlim għas-sewqan għal persuni b’diżabilità. B’mod partikolari dawk li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti sabiex b’hekk ikunu jistgħu jitgħallmu jsuqu u b’hekk ikunu jistgħu jtejbu l-indipendenza tagħhom.”
