Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi flimkien mal-Knisja Arċipretali taż-Żejtun ħabbru ftehim bejniethom li ser jara restawr u konservazzjoni taċ-ċimiterju ta’ San Girgor fiż-Żejtun stess.
Ix-xogħol se jsir b’investiment ta’ tmenin elf ewro li se jissarraf f’ħidma ta’ restawr fosthom f’tibdil ta’ ħitan u xogħol fuq railings tal-ħadid, li raw ħsara ssir mal-medda tas-snin.
Għalkemm ix-xogħol fiżiku mistenni jibda fi żmien li ġej, diġà saru studji tekniċi fuq dak li hemm bżonn isir kif ukoll riċerka storika biex tkun irrispettata l-oriġinalità tal-post.
L-istudji li saru nnutaw xogħol estensiv li għandu jsir fuq wieħed mill-ħitan li jifred partijiet mis-sit ta’ ċimiterju.
L-Arċipriet Dun Nicholas Pace, irringrazzja lil dawk kollha involuti minħabba li l-investiment li jirrkjedi dan ir-restawr huwa wieħed sostanzjali.
Qal, “B’hekk wasalna għal-restawr ta’ dan il-ħajt taċ-ċimiterju. Nirringrazzjahom ħafna għaliex ma kienx ikun possibbli li noħorġu l-fondi biex nirrestawrawh aħna mill-fondi tagħna.”
Il-Ministru Ian Borg sostna l-importanza li dawn il-proġetti għandhom għal komunitajiet hu kif huwa d-dover li dawn isiru.
Spjega, “Irridu nieħdu ħsieb anki postijiet bħal dawn, pibbliċi li jżuruhom ħafna qrabat u nies oħrajn u xieraq li wieħed ikun qiegħed f’post u b’infrastruttura illi tixraq.”