Il-Gvern qed ikompli jinvesti kontinwament fis-servizzi tal-anzjani, fosthom fix-xiri ta’ sodod mill-privat, fil-Home Help u f’għadd ta’ servizzi oħrajn neċessarji, bħat-Telecare, li mindu beda jingħata kollu b’xejn it-talba għalih splodiet.
Waqt li kien qed jieħu sehem fil-programm ‘Fl-Ewwel ta’ Mejju Kullħadd għall-Belt’ fuq One Radio, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, spjega kif tali investimenti huma possibbli għax għandna klima ekonomika li hi tajba ħafna f’pajjiżna.
Hu żied li meta nitkellmu fuq it-titjib u ż-żieda tas-servizzi lill-anzjani qed nitkellmu fuq ammont kbir ta’ flus u li, jekk ma jkollokx ekonomija b’saħħitha, ma tistax tkompli tespandi u ttejjeb fuq dak li diġà jeżisti.
“Meta qed nitkellmu xiri ta’ sodod biss għall-anzjani minn djar tal-anzjani li jeżistu fil-privat, li aħna nixtruhom u allura jinqalbu fuq l-iskemi tal-Gvern, aħna f’sena, din is-sena, ħa nkunu qegħdin nonfqu €80 miljun f’sena waħda. Dak sodod biss, jiġifieri qed nitkellmu somom kbar.”
Malcolm Paul Agius Galea, Segretarju Parlamentaru
Agius Galea tkellem ukoll dwar l-investiment fil-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-anzjani fir-Residenza San Vincenz de Paul.
“Pagi, payroll, f’San Vincenz waħdu għandi mas-€70 miljun, pagi biss f’sena, pagi, jiġifieri mhux qed nitkellem affarijiet oħrajn, pagi biss.”
Malcolm Paul Agius Galea, Segretarju Generali
Hu f’dan il-kuntest, qal is-Segretarju Parlamentari, li nhar l-Ewwel ta’ Mejju l-familji Maltin u Għawdxin għandhom għaliex jiċċelebraw, għax dawn huma kollha kisbiet li qed itejbu l-ħajja tal-anzjani tagħna.
Fl-istess programm, ħa sehem ukoll id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis, li wkoll tenna biex kullħadd iwieġeb għas-sejħa tal-Partit Laburista f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt Valletta, li se jilħqu l-qofol tagħhom bil-mass meeting u l-messaġġ importanti tal-Prim Ministru Robert Abela.