Matul is-sena elfejn erbgħa u għoxrin, l-ammont ta’ fondi Ewropej li l-Gvern se jkun qed jinvesti f’diversi proġetti u skemi, se jammonta għal madwar tmenin miljun ewro.
F’konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema ‘Malta Ġusta’, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal kif dan l-investiment minn fondi ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea se jkun qed isir f’kull settur u, bis-saħħa tiegħu, se jiġi mobilizzat investiment lokali ta’ madwar disa’ mitt miljun ewro.
Bonett spjega kif, permezz tal-fondi Ewropej u l-investiment li se jagħmel il-Gvern permezz b’fondi nazzjonali, se jintlaħqu dawn l-għanijiet.
Fost il-proġetti, li mistennija jitwettqu b’dan il-mekkaniżmu s-sena d-dieħla, is-Segretarju Parlamentari semma ċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran f’Raħal Ġdid u l-iskola tal-Imsida, li se tkun l-ewwel skola f’Malta ħielsa kompletament mill-karbonju.
Hu semma wkoll kif dan il-Gvern dejjem ra kif jixpruna kemm lill-familji kif ukoll lin-negozji b’viżjoni ta’ ‘Malta Ġusta’ ma’ kulħadd.