Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar finanzjament ta’ tmien miljun ewro għall-proġett Nazzjonali ta’ St. Michael Hospice f’Santa Venera, li hu amministrat minn Hospice Malta.
Dan il-post antik, li ngħata lil Hospice Malta mill-Knisja se jinbidel f’binja tal-ewwel xorta tiegħu li fost l-oħrajn se jilqa’ fih pazjenti li jeħtieġu kura paljattiva.
Fid-diskors tiegħu qabel eżatt ġie ffirmat il-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela qal li b’dak li qed isir illum, il-Gvern qed ikompli jinvesti fin-nies, anke sabiex f’mumenti diffiċli, il-pazjenti u qrabathom jkunu fl-aqwa ambjent biex jagħtu sostenn lil xulxin.
Dr Abela nnota kif b’dan l-investiment, il-Gvern qed jipprova jtaffi kemmxejn mill-piż ta’ Hospice Malta li f’kull sena tgħin 1,300 familja fis-sena.
Spjega kif il-finanzjament t’għajnuna lil Hospice ġej mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, l-NDSF.
Semma kif f’Malta hawn qasam ta’ saħħa li joffri l-aqwa servizzi u din il-binja se tkompli żżid dawn is-suċesssi f’wieħed mill-aktar setturi kruċjali tal-pajjiż.
Saħaq li dan il-proġett se jbiddel kompletament il-kura paljattiva f’Malta minn dak kif nafuha sal-lum.
Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Bernadette Bonnici rringrazzjat b’mod qawwi lill-Gvern Malti u lill-Prim Ministru Robert Abela talli f’dan il-proġett sabu l-id ta’ għajnuna ta’ dan il-Gvern.
Hija qalet kif dan il-proġett miexi ġmielu u mistenni jkun lest sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema ‘Gvern għan-Nies’, is-Segretarju Parlamentari għall-Komunitajiet Alex Muscat qal li dan huwa mod kif il-flus li jidħlu fil-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali.
Qal kif minn dan il-fond ġew mgħejjuna għaqdiet ukoll bħall-Puttinu Cares, u issa Hospice Malta.