Tul din il-ġimgħa bdiet it-tieni fażi ta’ tneħħija tal-aħħar tmintax-il arblu tal-elettriku ta’ voltaġġ għoli li fadal fil-gżejjer Maltin.
L-Enemalta qalet li investiet tmien miljun ewro fi proġett biex jitneħħew dawn l-arbli magħrufa bħala pylons u anki biex ittejjeb l-infrastruttura.
B’total ta’ tmenin arblu madwar il-pajjiż, fin-nofsinhar ta’ Malta diġa tneħħew sitta u tletin arblu li kienu mifruxa mill-Marsa sa Ħal Far.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jason Vella spjega il-ħidma li l-Enemalta se tkun qed tagħmel fix-xhur fuq it-tneħħija tal-arbli.
“L-aħħar fażi ta’ tneħħija ta’ arbli ta’ voltaġġ għoli li kienu jfornu f’din in-naħa tal-gżira, cioe dik li minn Bulebel tieħdok Ħal Tarxien u anke għal Marsa.”
Huwa spjega li l-Pylons kollha li jinsabu fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta tneħħew kollha fl-aħħar xhur. Sostna wkoll li l-pjan tal-Enemalta huwa li sal-aħħar tas-sajf ta’din is-sena ikunu tneħħew l-arbli kollha ta’ vultaġġ għoli mill-gżejjer Maltin.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia qal li biex jitneħħew dawn il-linji tal-elettriku ta’ voltaġġ għoli, l-Enemalta kellha ttejjeb l-infrastruttura billi poġġiet tliet cables ta’ tlieta u tletin kilovolt taħt l-art mill-Power Station ta’ Delimara għal Ħal Far u żewġ cables oħra mil-Mellieħa sal-Armier, li hija parti mis-sistema li twassal l-elettriku sa Għawdex.
“Huma parti biex ikompli jsebbaħ ukoll l-ambjent filwaqt li jassigura distribuzzjoni aħjar ta’ elettriku.”