Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari Għal Fondi Eworpej Aaron Farrugia ħabbru żewġ proġetti b’investiment ta’ €8.3 miljun għat-tindif tal-widien, immaniġġjar tal-ilma, u żvilupp tal-pajsaġġ f’Għawdex.
Permezz ta’ dawn iż-żewġ proġetti li se jitwettqu mill-Ministeru għal Għawdex se jiġu rrestawrati jew mibninja aktar minn 30km ta’ ħitan tas-sejjieħ.
Dawn il-ħtin huma karatteristika importanti tal-pajsaġġ rurali u apparti mill-impatt viżiv li jħallu, huma wkoll ta’ importanza ambjentali kbira għax iwaqqfu l-ħamrija milli tkompli tintilef.
Proġett ieħor ser jinkludi t-tindif ta’ tnax –il wied madwar il-gżira Għawdxija, fosthom il-Wied tax-Xlendi, Wied Imġarr ix-Xini, il-Wied ta’ Marsalforn u Wied il-Kbir.
Ser isir ukoll programm ta’ mmaniġġjar u preservazzjoni tal-ilma biex b’hekk tikber il-ħażna tal-ilma għall-bżonnijiet tal-bdiewa u tas-settur agrikolu f’Għawdex
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Ministeru għaddej b’ħidma kontinwa biex jattira iktar fondi Ewropej sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta’ Għawdex permezz ta’ proġetti ġodda.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farruiga spjega kif tul iż-żmien, dawn il-widien akkumulaw skart, u minħabba f’hekk l-ilma tax-xita kien qed jgħarreq l-akwati tul il-madwar. Qal ukoll li dawn l-interventi ser isiru f’konformità ma’ metodi approvati mill-awtoritajiet sabiex jiġu protetti l-flora u l-fawna li tipikament wieħed isib f’dawn l-ambjenti naturali.