Aktar minn 780,000 ewro ingħataw lil 74 għaqda volontarja sabiex iwettqu l-proġetti tagħhom fil-komunità.
L-għaqdiet volontarji li kkwalifikaw għall-fondi ġejjin minn bosta oqsma fosthom soċjetajiet mużikali, għaqdiet sportivi u dak li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ persuni b’diżabilità fost l-oħrajn.
Permezz ta’ dawn il-fondi, l-għaqdiet se jagħmlu proġetti ta’ riċerka, programmi ta’ xogħol tal-idejn, konferenzi u rinovar ta’ strutturi tal-istess għaqdiet u saħansitra proġett li se jiżviluppa taqsima għall-inċidenti maġġuri.
Il-fondazzjoni Relationships are Forever hija waħda mill-entitatjiet li bbenfikat mill-fondi. Il-fundatur Julian Sant Fournier, qal l-fondazzjoni tgħallem lit-tfal kif jesprimu dak li jħossu u kif isolvu kunflitti bejniethom b’mod paċifiku.
Qal kif l-għotja se jużawha biex jagħmlu kards li jistgħu jintużaw mit-tfal u l-ġenituri tagħhom sabiex iwasslu għal relazzjonijiet dejjiema u b’saħħithom.
“Bl-għajnuna ta’ dawn il-fondi aħna se nkomplu nagħmlu dan ix-xogħol fejn aħna ħa naqsmu ma u nagħmlu ħafna training lit-teachers u b’dawn il-fondi aħna nkunu nistgħu nqassmu dawn il-kards lit-tfal u imbgħad it-tfal jieħdu dawn il-kards u jużawhom fil-familji biex hekk aħna jkollna soċjetà soda mibnijja fuq relazzjonijiet li huma għal dejjem,” qal is-Sur Sant Fournier.
Waqt ċerimonja mtella’ mill-Kunsill Malti għas-settur volontarju li matulha kienu mqassma l-għotjiet, is-Segretarju Parlamentari għall- Għaqdiet tal-Volontarjat, Clifton Grima saħaq li permezz ta’ ħidmiethom u l-proġetti tagħhom l-għaqdiet volontarji verament qed itejbu ħajjet in-nies.
“Dan kollu sabiex nassiguraw li l-volontarjat ikompli jikber, ikompli dejjem jissaħħaħ u anke jiġbed numru ta’ nies ġodda f’dan is-settur tant importanti,” qal is-Segretarju Parlamentari.