Fond ta’ seba’ mija u ħamsin elf ewro se jservi ta’ fond t’għajnuna lill-artisti, għaqdiet u Kunsilli Lokali fost oħrajn f’Għawdex biex joħorġu b’inizjattivi kulturali.
Il-fondi allokati huma tliet darbiet iktar minn kemm kien allokat is-sena l-oħra.
Il-Ministru għal-Għawdex Clint Camilleri qal li waqt pandemija l-Gvern mhux se jieqaf jgħin lill-artisti jkomplu jesprimu l-kreattività tagħhom.
Qal li t-talent lokali jibqa’ importanti u l-pandemija ħolqot spejjeż ġodda għall-organizzazzjoni t’attivitajiet kulturali li jistgħu jsiru skont id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Il-Ministru għal Għawdex saħaq, “Naraw pero li jibqgħu għaddejjin dawn l-attivitajiet artistiċi u kulturali u fl-aħħar mill-aħħar insostnu t-talent lokali.”
Id-direttur tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, John Xuereb spjega li eleġibbli għal din l-iskema hemm għaqdiet volontarji li jridu jtellgħu attività kulturali matul din is-sena.
Is-Sur Xuereb stqarr, “L-għaqdiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet u anke individwi se jkunu jistgħu japplikaw permezz ta’ dan il-fond ħalli nagħtuhom għajnuna finanzjarja li tkun tista’ ssostni l-avvenimenti li jipproponu matul is-sena.”