Il-Gvern qed jinvesti seba’ mija u erbgħin elf ewro il-Housing Estate fir-Rabat fl-akwati ta’ Għajn Qajjet biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ 130 familja li joqogħdu hemmhekk permezz ta’ xogħlijiet ta’ tisbiħ tal-faċċati, manutenzjoni tal-bjut u xogħlijiet fil-komuni ta’ 16-il blokka.
Il-Ministru Għall-Akomodazzjoni Soċjali, Rodrick Galdes innota kif għal numru ta’ snin l-akkomodazzjoni soċjali kienet sinonima mat-telqa, u dan jirrifletti ħażin fuq il-familji, u allura kienet sitwazzjoni inaċċettabbli.
Il-Ministru Galdes stqarr: “Meta wieħed jara wkoll is-sens ta’ kburija li għandhom in-nies, mhux biss bi proġett bħal dan li qed jirrikonoxxu li l-istat diġà għamel ħafna għalihom biex tejbilhom il-kwalitá tal-ħajja. Hemmhekk turi biċ-ċar anke mhux biss l-impenn tal-politiku imma wkoll il-kuntatt li għandna man-nies biex inkomplu għaddejjin ħalli noħolqu proġetti soċjali bħal dawn.”
Tkellimna ma’ Lucy Spiteri u Mary Rose Genovese li ilhom is-snin jgħixu f’appartament f’dawn il-blokok. It-tnejn li huma nnotaw b’sodisfazzjon li issa l-kwalità ta’ ħajja tagħhom ser tkun qed titjieb drastikament.
Lucy qaltilna: “Aħna ħadd m’għamlilna xejn, ilna noqogħdu tmienja u erbgħin sena hawnhekk, jiġifieri qatt ma sar xejn, għamlulna l-lift, għamlulna t-tibjid kollu għamlulna dak li kellna bżonn.”
Mary Rose qalet: “Bħal intercom għax tgħid tirrispondi minn fuq u l-bibien li jingħalqu minn barra għax qabel lanqas kienu jingħalqu. ssa ser jagħmlulna tal-aluminju, jiġi aħjar milli kien u sejrin ħafna tajjeb bħalissa.”
Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus esprima s-sodisfazzjon tiegħu, li wara 30 sena dawn il-blokok ta’ housing soċjali ngħataw nifs ġdid.
Huwa sostna: “Ħadt pjaċir ħafna bil-livell għoli ta’ xogħol, tal-kwalità ta’ xogħol li sar, value for money, u allura sodisfatt bħala sindku ta’ din il-lokalità li llum għandna proġett kbir u proġett sabiħ li għadu għaddej, ħa jkompli għaddej fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin biex fl-aħħar mill-aħħar din iż-żona ngħatat id-dinjità li jixraqilha.”