Il-Partit Laburista ġabar €737,690 f’maratona ġbir ta’ fondi li ttellgħet miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista f’Jum ir-Repubblika. Matul din il-maratona ġbir ta’ fondi li segwiet il-protokolli kollha maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa diversi kumitati lokali ppreżentaw diversi donazzjonijiet li nġabru minn ħdan il-komunitajiet f’Malta u Għawdex.
Fl-aħħar ħinijiet tal-maratona, il-Prim Ministru, Robert Abela flimkien ma’ martu u l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista irringrazzjaw lil dawk kollha li kkontribwixxew f’din il-maratona li wasslet għal ċifra sabiħa li se tkompli tgħin u ssaħħaħ lill-Partit Laburista.
F’intervista aktar kmieni flimkien mal-familja tal-Prim Ministru, Dr. Robert Abela nnota li n-nies qed jiċċelebraw Milied b’differenza billi josservaw ir-regolamenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika. Saħaq li jeħtieġ li nibqgħu prudenti u huwa kruċjali li ma nillaxkawx issa, fi tmiem tal-maratona twila sa minn Marzu hekk kif il-vaċċin għall-Covid-19 jinsab viċin li jasal.
F’intervista waqt il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista, li għaliha n-nies għamlu l-mistoqsijiet tagħhom in-nies fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru qal li pajjiżna wera kemm hu reżiljenti u amministra tajjeb l-imxija. Dr. Abela spjega l-ħidma li saret, fosthom mhux biss tal-aħħar budget li ppreżenta l-Gvern iżda anki l-pakketti t’għajnuna oħra li ta l-Gvern biex iwieżen lill-ħaddiema u lin-negozji. Il-Prim Ministru qal li b’mod speċjali, dan il-Gvern ta każ il-qafas soċjali.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li din iċ-ċifra sabiħa hija frott il-ħidma ta’ mijiet ta’ volontiera li ilhom ġimgħat iħabbtu bieb bieb fil-lokalitajiet madwar il-pajjiż u grazzi għal eluf oħra li ċemplu lill-Partit biex reġa’ kellu maratona suċċess minkejja l-limitazzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija.