Uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin se jingħataw taħriġ dwar il-programm tax-schengen u kwistjonijiet marbutin mal-immigrazzjoni.
It-taħriġ se jibda din is-sena u jibqa’ sejjer sas-sena 2020.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ €700,000, li 75% tagħhom ġejjin mill-Fond dwar is-Sigurtà.
Huwa qal li dan il-proġett se jħarreġ 120 uffiċjal fi ħdan it-Taqsima tal-Viżi u tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija li r-responsabbilitajiet tagħhom jikkumplientaw lil xulxin.
Il-Ministru Abela qal li l-għan huwa li dan it-taħriġ jgħin aħjar lil dawn il-ħaddiema fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.
Il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li t-taħriġ ser isir b’kollaborazzjoni mal-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati. Huwa żied jgħid li permezz ta’ dan il-proġett, Malta se ssaħħaħ il-qagħda tagħha dwar l-isfidi tal-programm Schengen u l-immigrazzjoni b’enfasi fuq il-proċess tal-applikazzjonijiet tal-viżi.