Il-Ministru għall-Għawdex Justyne Caruana indirizzat seminar bl-isem ‘Grants, Schemes & Incentives for SME’, organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ t’Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar bħala parti mill-Ġimgħa tal-SMEs.
Il-Ministru Caruana nnutat kif l-għan ewlieni ta’ din l-attività kien li tiprovdi informazzjoni fuq is-sapport li qed jingħata lill-entrapriżi micro, żgħar u medji kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll mill-Unjoni Ewropea.
“Id-djalogu jwassal għal fehim ulterjuri u ppjanar aħjar, u jiena żgurjat li niddiskuti personalment kwistjonijiet relatati man-negozju, kemm individwalment kif ukoll mal-korpi rappreżentattivi kostitwiti. Kien preċiżament fil-laqgħat inizjali tagħna, fl-ewwel ġimgħat tal-ħatra tiegħi bħala Ministru għal Għawdex, li konna rrikonoxxejna d-diffikultajiet li qed jiżdiedu fir-reklutaġġ tan-numri meħtieġa ta’ ħaddiema Għawdxin, ukonna ikkumisjonajna studji professjonali, b’mod partikolari biex janalizzaw l-differenza fil-ħiliet fuq il-gżira u t-tip ta’ impjieg li l-Għawdxin qed tfittxu f’termini tal-karriera li jixtiequ jsegwu “, stqarret il-Ministru Caruana fid-diskors tagħha.
Il-Ministru Caruana għamlet referenza għall-miżuri mill-baġit b’konnessjoni mal-SMEs partikolarment f’Għawdex. Hija nnutat li l-Gvern kien se jżid l-assistenza Microinvest għall-SMEs f’Għawdex sa’ €70,000 u se jirrifondi sa 30% jew €6,000 għal kull impjieg ġdid kreat mis-settur privat b’kuntratt ta’ tlett snin.
Il-Ministru għall-Għawdex qalet li l-Gvern se jkompli jissaportja l-interessi tal-entrapriżi żgħar u medji, li hi ddiskreviet bħala s-sisien tal-industrija lokali.
Il-Ministru Caruana qalet li l-pass li jmiss huwa li jiġi attirat investiment li jipprovdi impjiegi għan-nies tal-post u dawk li jiddeċiedu li joqgħodu Għawdex. Hi enfasizzat li l-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat bis-sħiħ li jappoġġja inizjattivi bħal dawn li jtejbu l-operazzjonijiet kummerċjali tal-SMEs kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, u b’hekk jikkontribwixxu għall-ekonomija aktar b’saħħitha.