15-il operatur fil-villaġġ ta’ artiġjanat f’Ta’ Dbieġi f’Għawdex ibbenefikaw aktar minn €70,000 fi ħlas tal-pagi mill-Gvern biex minkejja l-pandemija, ikomplu joperaw u jissalvagwardjaw l-impjiegi. Fl-istess ħin, l-aġenzija tal-Gvern, Malta Enterprise u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat iffirmaw ftehim biex ikun allokat uffiċċju għall-Kunsill fir-Raħal tas-Snajja u l-Artiġjanat stess.
Dan se jgħin biex għaqdiet volontarji f’Għawdex li qed jinvestu fl-intrapriża soċjali jkollhom l-appoġġ u jitwettqu inizjattivi kollaborattivi oħra.
Il-Minsitru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-operaturi mhux jaraw prospettivi ħżiena għan-negozju, u fakkar kif il-Gvern wera bil-fatti li anke fi żminijiet diffiċli se jkun ta’ wens għan-negozji.
Huwa qal: Ħabbart li dawn il-15 se jiżdiedu bi tlieta oħra fil-ġimgħat li ġejjin. L-akbar apprezzament li stajt nara kien tal-għajnuna li ta l-Gvern. Kull wieħed qalilna li l-ħlas tal-pagi kien fundamentali u li issa qed iħarsu biex ikabbru.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega wkoll li grazzi għal skemi oħra tal-Gvern, dan is-sit joffri apprentistat lil bosta studenti biex jitħarrġu fl-artiġġjanat li huma stess jipproduċu.
Huwa stqarr: “Apparti minn hekk rajna wkoll il-potenzjal tas-sit u l-potenzjal ta’ riforma biex nattiraw aktar turisti lejn dan is-sit biex nippromwovu wkoll il-bejgħ tal-artiġġjanat lokali.“
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li li l-ftuħ ta’ uffiċċju għall-Volontarjat f’Għawdex juri li l-Gvern huwa kommess jagħti l-għajnuna kollha possibbli lill-għaqdiet volontarji sabiex tiġi assigurata l-eżistenza tagħhom.
Huwa sostna: “Ħassejna l-ħtieġa li jkollna uffiċċju li jopera minn Għawdex. Qed naraw kollaborazzjoni mis-Segretarjat tiegħi, il-Kunsill tal-Volontarjat u anke Malta Enterprise, biex naraw li jkun hawn uffiċċju fejn l-Għawdxin ikunu jistgħu jinqdew.”