Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-fondazzjoni Sebħ fejn il-Gvern qed jinvesti seba’ miljun ewro fil-kura alternattiva ta’ għexieren ta’ tfal li qed jgħixu fi djar residenzjali.
Fil-fatt il-fondazzjoni Sebħ tmexxi erbat idjar, li huma maqsumin f’seba’ appartamenti, b’kull appartament jieħu sitt itfal, għal total ta’ 42 tifel u tifla. B’hekk il-ftehim għandu l-għan li jiġi offrut lilhom iżjed ambjent ta’ familja.
Id-Direttur tal-fondazzjoni Sebħ, Yvonne Mallia, spjegat li dan il-ftehim mhux biss se jkun qed jagħti spinta kbira l-kura li tingħata lil dawn it-tfal fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom, imma se jkunu qed jinvestu f’aktar ħaddiema professjonali li hemm bżonn f’dan is-settur.
SOT 1
“Ħa jgħinna fit-tmexxija kompleta tad-djar, jiġifieri fejn jidħol l-impjieg tal-ħaddiema, li hi l-ispiża prinċipali u, b’dan il-ftehim, se nkunu nistgħu nkabbru l-pool ta’ ħaddiema tagħna, biex nistgħu nagħtu dik il-kura li vera għandhom bżonn dawn it-tfal u wkoll fit-tmexxija ġenerali. Jiġifieri dawn it-tfal qegħdin nieħdu ħsiebhom mill-bidu sal-aħħar. L-ikel, il-ħwejjeġ, affarijiet tal-iskola, il-ħruġ tagħhom, it-terapija. Huwa servizz ħolistiku biex jgħin lil dawn it-tfal jilħqu l-aħjar potenzjal tagħhom.”
Yvonne Mallia, Direttur, Sebħ
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, spjega li bħalissa f’Malta hawn aktar minn 500 tifel u tifla, li jinsabu taħt il-care order u ftit aktar minn nofshom huma f’foster care.
Il-Ministru responsabbli mis-settur, Michael Falzon, tenna li, b’dan l-investiment, it-tfal kollha, fl-aħħar mill-aħħar, ikollhom ħajja alternattiva aħjar.
“Li tinvesti fis-soċjetà tagħmel l-isbaħ investment. Hemmhekk mhux qed tonfoq, hemmhekk qed tinvesti l-flus u l-ftehim tal-lum, ftehim b’saħħtu, anke l-ammont involut qed nitkellmu fuq €7 miljun, hu investiment fit-tfal tagħna, investiment b’kollaborazzjoni sħiħa mal-fondazzjoni Sebħ, għax fis-soċjal, aħna kollha stakeholders fl-aħħar mill-aħħar, soċjetà waħda aħna.”
Micahel Falzon, Ministru