Ġew imnedija l-iskemi ta’ fondi li jammontaw għal €7 miljun għall-Kunsill Malti għall-Arti, bil-għan li jkunu ta’ sostenn għas-settur kulturali.
Dawn il-fondi se jaraw li dawk kollha li jaħdmu fis-setturi kreattivi jkollhom iċ-ċans sabiex jinstemgħu, joħolqu u jimirħu.
Id-Direttriċi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi f’konferenza tal-aħbarijiet spjegat kif dawn it-tliet azzjonijiet huma fil-qalb tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Qalet, “Li nisimgħu u naqdu huma l-missjoni tagħna. Li noħolqu u nikkokreaw, hija l-ħobżna ta’ kuljum. Li nimirħu u naraw lil min jimraħ hija l-ambizzjoni u s-sodisfazzjon tagħna.”
Il-Kap tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Rita Falzon, spjegat kif il-Kunsill qed jimmira li jkun aktar aċċessibbli u sostenibbli, permezz ta’ sistema diġitali ta’ applikazzjoni.
Hija sostniet kif l-elfejn tnejn u għoxrin kienet sena impenjattiva għall-Kunsill, iżda s-sena d-dieħla, il-ħidma tiegħu se tkun akbar.
Qalet, “Fl-2021, il-Kunsill Malti għall-Arti amministra wieħed u għoxrin sejħa b’investiment total ta’ ħamsa punt tnejn u sittin miljun ewro fi proġetti, programmi u organizzazzjonijiet li twettqu f’Malta u Għawdex. Fis-sena 2022, il-Kunsill Malti għall-Arti, se jkun qed jamministra ħmistax -il fond, li minnhom se jinħolqu tlieta u tletin sejħa b’investiment ta’ seba’ miljun ewro.”
Intant, il-Ministru għall-Kultura, Josè Herrera qal li b’dan l-investiment il-Gvern qiegħed ikun ta’ spalla għall-artisti u kreattivi, u bil-fondi se jkun qed jgħaddi l-messaġġ li f’dan is-settur wieħed jista’ jimraħ u jaħdem fih b’mod professjonali.
Huwa qal li dawn l-għajnuniet huma msejsa fuq l-esperjenzi tal-artisti, li riċentament għaddew minn żmien diffiċli.
Qal, “Dan huwa programm b’saħħtu mibni effettivament madwar ir-realtajiet li qiegħdin ngħixu fihom. Iżda aktar importanti, huwa intiż li jnissel il-fiduċja f’kull wieħed u waħda minnkom għax-xhur u s-snin li ġejjin.”