Il-baġit għas-sena d-dieħla juri bil-fatti kemm is-saħħa hija priorità għal Gvern Laburista.
Biex jitwettqu aktar proġetti fis-settur, u jinqeda aħjar il-pazjent, il-Gvern alloka €685 miljun, jiġifieri €75 miljun aktar mill-baġit għal din is-sena, u kważi d-doppju tal-ammont allokat lill-Ministeru tas-Saħħa fl-aħħar sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista.
Ċifri li ħabbar id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo meta tkellem fid-dettall dwar il-miżuri tal-baġit.
Innota ż-żieda ta’ €4 miljun għall-mediċini tal-kanċer, bin-nefqa titla’ għal €10 miljun.
Iżda l-investiment tal-Gvern fl-ispiża fuq il-mediċini tmur lil’hinn mill-kanċer, spjega l-Ministru Fearne:
“Is-sena li ġejja se ndaħħlu wkoll mediċini ġodda għall-HIV u mediċini ġodda tal-prostata. Għandna ħafna rġiel ħafna minnhom anzjani li sal-lum għadhom jixtru mediċina tal-prostata. Bil-baġit għas-sena li ġejja dan ifisser li dawn l-eluf ta’ pazjenti jkunu jistgħu jaċċessaw mediċini ġodda.”
Wara snin ta’ tkaxkir tas-saqajn, il-Ministru tas-Saħħa qal li l-Gvern qed jinvesti bil-kbir fil-kura tas-saħħa mentali.
Dan billi, fost l-oħrajn, se toħroġ sejħa ta’ interess għal għaqdiet mhux governattivi u unjins biex jaħdmu id f’id mal-Gvern fuq proġetti ta’ prevenzjoni għas-saħħa mentali.
“Il-pjanti issa huma lesti se nkunu nistgħu napplikaw għall-permessi mill-Planning Authority għal sptar ġdid tas-saħħa mentali f’Mater Dei, u nkomplu nagħmlu refurbishment qawwi. Din is-sena għandna aktar minn €6 miljun vvotati għalhekk, f’Monte Karmeli.”
Il-Ministru tkellem ukoll dwar diskussjonijiet li għaddejjin mal-Awtorità tal-Ippjanar biex joħorġu t-tenders għall-binja ġdida tal-outpatients ta’ seba’ sulari.
Proġett li b’investiment ta’ €160 miljun, mistenni jieħu madwar erba’ snin u nofs biex jitlesta, u se jinkludi ħames sulari taħt l-art ta’ parkeġġ, bil-għan li din il-problema wkoll tiġi indirizzata.
Fost investiment qawwi f’Mater Dei, fix-xhur li ġejjin se tiġi inawgurata t-tielet magna tal-MRI.
Il-Ministru tas-Saħħa ħabbar ukoll li fil-jiem li ġejjin se jinfetaħ iċ-Ċentru tal-Anotomija ta’ Barts f’Għawdex immexxi minn Steward Healthcare.
Fejn tidħol il-kura primarja, ftit iktar minn xahar wara li nfetaħ ċentru tas-saħħa ġdid f’Ħal Kirkop, il-Ministru nnota kif miexi ġmielu x-xogħol fuq ċentru tas-saħħa ġdid fir-Rabat Għawdex.
Id-Deputat Prim Ministru temm jgħid li l-Gvern huwa kommess li jkompli jaħdem fis-settur, ħalli kull Malti u Għawdxi verament jgħix is-suċċess.