Il-lokalità taż-Żejtun ibbenefikat minn €68,000 f’fondi Ewropej għal tliet proġetti li jiffokaw fuq aspett kulturali differenti u ta’ importanza lill-komunità Żejtunija; fosthom fir-restawr u t-tagħlim tal-mużika.
Fi żjara li għamel il-Ministru fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela fil-belt fin-Nofsinhar ta’ Malta, seta jara uħud mill-proġetti.
Il-Ministru Abela żar il-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina fejn hemmhekk, b’inizjattiva tal-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju u b’għajnuna ta’ ftit aktar minn €10,000 ġie rrestawrat l-artal tal-Madonna tar-Rużarju kif ukoll żewġ gandlieri fuq l-istess artal.
Is-Segretarju tal-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju, Ruben Abela qal: “Dan il-proġett kien intiż wkoll li jqajjem aktar kuxjenza fuq snajja’ u tradizzjonijiet illi sfortunatament qed jintilfu. F’dan il-każ ix-xogħol tal-marista, ix-xogħol illi wieħed jiddisinja u jaħdem fl-irħam.”
L-Għaqda Mużikali Beland, ibbenefikat ukoll minn madwar €14,000 mill-programm ta’ fondi msejjaħ Leader tal-Gal Xlokk sabiex tinvesti f’tagħmir li jtejjeb il-metodu użat għat-tagħlim tal-mużika, ix-xiri t’apparat professjonali għal fuq il-palk u apparat tal-awdjo li permezz tiegħu l-għaqda ttejjeb il-kwalità tal-avvenimenti li torganizza matul is-sena.
It-Teżorier tal-Għaqda Mużikali Beland, Mario Baldacchino spjega: “Komplejna nespandu u nattiraw aktar studenti illi llum jammontaw aktar minn 25 student u nħeġġu wkoll mużiċisti residenti tagħna jkomplu jistudjaw it-teorija fl-iskola tal-mużika tagħna tramite dan l-użu tal-ismart board.”
Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun ibbenefika wkoll minn ftit inqas minn €40,000 f’fondi mill-Erasmus+ fejn gruppi ta’ żgħażagħ minn Malta, il-Polonja, il-Bulgarija u l-Latvja ħadu sehem f’attivitajiet iffukati fuq il-mużika u t-tradizzjonijiet nazzjonali.
Dan il-proġett fost oħrajn juri l-ħidma mwettqa’ mill-MEUSAC sabiex jassistu l-organizzazzjonijiet, għaqdiet u individwi sabiex japplikaw għall-fondi Ewropej.
Il-Kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon saħqet: “Din il-ħidma s’issa għenna biex jottjenu ‘l fuq minn €60 miljun f’foni Ewropej u dan kien juri s-suċċess fil-ħidma tagħna biex inkomplu nwasslu lill-Unjoni Ewropea aktar viċin lejn iċ-ċittadini.”
Il-Ministru Abela saħaq li dawn huma għodda importanti sabiex jingħata valur akbar lir-riżorsi tal-għaqdiet Żwieten u fuq kollox sabiex jibqa’ jissaħħaħ aktar l-investiment fit-tradizzjonijiet, fil-wirt u f’dak kollu li jikkaratterizza l-Maltin.