Is-somma miġbura fil-maratona ġbir ta’ fondi organizzata mill-Partit Laburista laħqet is-€670,217.
Bit-tema ‘Ninvestu fin-Nies’ ġiet imxandra fuq l-istazzjonijiet ONE, din il-maratona fejn fiha, bosta nies taw id-donazzjonijiet tagħhom b’risq il-Partit Laburista.
Kien il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista George Azzopardi li ħabbar is-somma finali fil-preżenza tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista fosthom il-Mexxej Laburista u Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Daniel Micallef.
Eżatt qabel tħabbret is-somma finali, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela rringrazzja lin-nies li wieġbu għas-sejħa tal-Partit Laburista.
Qal li l-Partit Laburista jrid jibqa’ jinvesti fin-nies u hekk għamel waqt żmien ta’ sfida globali, il-pandemija.
Aċċenna li l-Partit Laburista jrid jibqa’ jaħdem u jagħmel il-ġid imnebbaħ mill-prinċipju tal-ġustizzja soċjali.
Saħaq li għalhekk il-Partit Laburista se jibqa’ jmexxi politika li fiha ħadd ma jaqa’ lura u li biha ngħixu fil-prosperità.