Is-somma miġbura fil-maratona ġbir ta’ fondi organizzata mill-Partit Laburista laħqet is-€668,658.
Din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi ta’ madwar sitt sigħat temmet l-attivitajiet b’rabta mal-Konferenza tal-Partit Laburista, bit-tema ‘Inġeddu Malta Flimkien’.
Is-somma finali tħabbret mill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista George Azzopardi. Huwa stqarr: “U kif tista’ ma timteliex bl-entużjażmu u ma tgħidx grazzi, meta tara s-somma ta’ €668,658, grazzi. Grazzi lil kull min qed jismana, ikkontribwixxa, grazzi.”
Qabel tħabbret is-somma, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, akkumpanjat minn martu Dr Lydia Abela u l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, irringrazzja lin-nies tal-ġenerożità tagħhom u qal li din se tiġi reċiprokata b’aktar ħidma.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal, “Inwiegħed li l-ġenerożità kbira li ntweriet illum se tiġi reċiprokata b’ħafna u ħafna iktar xogħol. Ħafna iktar xogħol sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u tal-Maltin kollha. Minn dawk li huma aktar ’l isfel fis-soċjetà tagħna għal dawk li qegħdin fuq quddiem, irriduhom jibqgħu jimxu ’l quddiem. Irridu dawk li waqgħu lura fis-soċjetà li mhux biss jimxu ’l quddiem iżda jiġru ’l quddiem biex dejjem inkomplu nnaqqsu d-distakk bejn min għandu ħafna u min għandu inqas.”
Il-Mexxej Laburista saħaq li l-Konferenza li organizza l-Partit uriet ideat differenti biex issa l-Partit Laburista jiġborhom flimkien u jkompli jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies.
Il-Prim Ministru qal li fadlilna ħafna iżjed x’inwettqu u nnota li meta l-Partit Laburista jsejjaħ lin-nies, dawn iwieġbu lura għal dik is-sejħa.
Qabel eżatt it-tħabbira tas-somma, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Daniel Micallef irringrazzja lil kull min ta sehmu fil-Konferenza fosthom bosta voluntiera tal-partit.
Tul il-maratona kien hemm ukoll id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament Chris Fearne, li tkellem ukoll dwar ħidmet Gvern Laburista b’risq il-Maltin u l-Għawdxin.