B’investiment ta’ €600,000 ġie inawgurat il-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar.
Dan huwa l-ewwel park li nfetaħ mill-entità governattiva Parks Malta li hija responsabbli mill-widien u l-parks f’pajjiżna.
Iż-żona kienet tħalliet mitluqa u abbandunata u li anke bdiet isservi biex fiha jsir abbuż mid-droga u rimi llegali ta’ skart. Issa nbidlet f’żona mill-isbaħ li tista’ titgawda mill-pubbliku.
L-Assistent Direttur ta’ Parks Malta Josianne Muscat spjegat li fl-aħħar xhur sar xogħol intensiv.
Hija spjegat: “Sar tindif, sar żbir ukoll tas-siġar, għamilna livellar tal-pjan kollu tal-park sabiex ikun iżjed aċċessibbli għal dawk li jiġu jżuruh. Installajna l-benches, il-bins kif ukoll il-lightings ma’ kullimkien. Għandna wkoll is-sistema tas-CCTV u għamilna wkoll l-installazzjoni tal-logħob għat-tfal u binja għas-servizzi.”
B’madwar 40 tomna ta’ art dan il-park se jkun wieħed mill-akbar fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li parti sostanzjali minn dan il-park tħalliet fi stat naturali b’siġar maturi filwaqt li l-parti tan-nofs issa tinkludi logħob tat-tfal, passaġġi, faċilitajiet sanitari u teatru Grieg fejn jistgħu jsiru attivitajiet diversi.
Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet: “Sa 3 snin ilu kienet prattikament abbandunata, telqa, skart li jintrema’ hawnhekk. Il-ħolma fost l-oħrajn tal-Kummissarju Ewropew Helena Dalli li dak iż-żmien skattat il-proċess biex isir dan l-investiment u bi kburija ngħid li l-Ministeru għat-Turiżmu investa f’dan il-proġett biex aħna ttrasformajna din iż-żona u qed ngħadduha lura lin-nies ta’ Ħaż-Żabbar.”
Barra minn dan tħawlu 2,200 siġra u arbuxelli indiġeni, filwaqt li wara s-sajf se jitħawwlu iżjed speċi ta’ siġar.
Preżenti kien hemm ukoll il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, bis-sindku Jorge Grech qal li l-isem għal dan il-park kien ispirat mis-sur ta’ San Klement tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod.