Ġew allokati aktar minn nofs miljun ewro f’fondi sabiex jiġu investiti f’riċerka bħala soluzzjoni innovattiva għall-immaniġġjar ta’ materjal organiku ġġenerat mill-irziezet f’pajjiżna.
Dan wara li ġie ffirmat memorandum of understanding bejn il-kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija, l-MCST u l-agenzija tal-governanza għall-bio-riżorsi agrikoli.Il-ftehim ġie ffirmat f’razzett f’Ħal Qormi li fih mal-mija u ħamsin baqra li jipproduċu mal-ħamsa u tletin litru ta’ ħalib kull waħda.
George Attard, il-kap eżekuttiv tal-aġenzija tal-gvern dwar bioriżorsi agrikoli fisser kif inħasset il-ħtieġa li titnieda din l-inizjattiva innovattiva hekk kif l-irziezet ilhom snin twal jaffaċċjaw l-isfidi bil-materjal organiku:
għaldaqstant ħassejna li l-aħjar metodu li nistgħu naffrontaw biex insolvu dis-sitwazzjoni hi li noħolqu skema li permezz tagħha min ikun interresat li jistgħu ikunu jew koperattivi jew kumpaniji jew assoċjazzjonijiet iressqu proġetti ta’ proċessi li jitrattaw din ir-riżorsa fl-ekonomija ċirkulari
Jeffrey Pullicino Orlando, ic-chairman tal-MCST qal li filwaqt li jitħasseb kif proġett bħal dan ma sarx qabel, jinsab sodisfatt li l-istess kunsill se juża l-esperjenza tiegħu għall-benefiċċju tal-ekonomija u l-ambjent:
ovvjament dan huwa settur importanti ħafna mhux biss minħabba l-aspetti agrikoli imma anke minħabba l-aspetti ambjentali u ħassejna li aħna obbligati biex ngħinu f’dan ir-rigward
Is-segretarju parlamentari għall-innovazzjoni, Silvio Schembri u l-ministru għall-ambjent, Jose Herrera fissru kif permezz ta’ din iż-żerriegħa ta’ sostenibbilita, ser jinħoloq prodott ta’ użu mill-iskart tal-istess annimali.
Intant, l-applikazzjonijiet għal kull min hu interessat se jibqgħu miftuħa sa Ottubru li ġej, bl-għan li jkun hawn stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni preżenti u t-triq ‘il quddiem biex tiġi indirizzata din l-isfida.