Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, investa sitt miljun ewro biex akkwista sitt proprjetajiet f’każini tal-banda li jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament.
Dan bil-għan li l-għaqdiet mużikali jibqgħu jkunu ssalvagwardjati kif ukoll sabiex tinżamm ħajja t-tradizzjoni Maltija li tkun ipprattikata fihom b’mod kontinwu.
Is-sitt proprjetajiet huma: il-Każin Banda Stella Maris, f’Tas-Sliema, Anici Banda & Social Club f’Ħal Qormi, Socjetà Filarmonika Antoine De Paule Banda Kristu Re f’Raħal Ġdid, iċ-Circolo San Giuseppe Sagra Familja fil-Kalkara, La Stella Levantina f’Ħ’Attard, u l-Każin Banda Marija Regina fil-Marsa.
Il-Ministru Owen Bonnici esprima l-impenn tal-gvern li jipproteġi l-każini tal-baned minħabba l-importanza soċjali u kulturali tagħhom fil-komunitajiet tagħna.
“Dan sar permezz ta’ appoġġ finanzjarju permezz ta’ skemi varji u anke permezz ta’ impenn għall akwisiti tal-propjetajiet li bħalissa qed jintużaw mill-każini tal-banda rispettivi, sabiex tkun tista’ tingħata assigurazzjoni ta’ kera fit-tul,” irrimarka Dr Bonnici waqt li saħaq li qed tingħata attenzjoni sabiex il-Gvern jieħu lura kirja ġusta li tagħmel sens fid-dinja tal-lum.
Din l-inizjattiva saret realtà b’ħidma konġunta bejn il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, il-Bord tat-Tmexxija tal-Każini tal-Banda fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti li se jkun qiegħed iħares il-governanza u s-sostenibbiltà tal-każini wara l-akkwist.
Intant, qed isiru negozjati oħrajn ma’ sidien ta’ soċjetajiet mużikali oħra li, bl-istess mod, qed jiffaċċjaw riskju ta’ żgumbrament.