F’Mater Dei bdiet l-ewwel fażi sabiex jinbidlu ċ-chillers tal-Isptar fejn sa tmiem din il-ġimgħa ser jinqalgħu l-antiki u jitpoġġew tmienja ġodda li jaħdmu b’sistema teknoloġika, b’aktar effiċjenza u li tikkonsma anqas elettriku.
Ma’ One News, l-Inġinier Edward Cauchi spjega f’aktar dettall dwar l-irwol ta’ dawn iċ-chillers fl-isptar Mater Dei li kull wieħed minnhom mingħajr ebda tagħmir ieħor jiżen 7260 kilogrammi:
Spjega li “L-isptar għandhom sistema li jiċċirkolaw ilma kiesaħ – bejn 7-9 gradi. Hawn iċ-chillers ikessħu l-ilma u b’sistema ta’ pompi jiġi ċċirkolat madwar l-isptar kollu – l-arja kkundizzjonata mill-isptar kollu.”
Sa l-aħħar ta’ din is-sena mistennija li jinbidlu 16-il chiller li hemm fl-Isptar Mater Dei li jikkonsistu f’14-il Chiller t’ Arja kiesħa u żewġ chillers oħra li joffru sistema ta’ ilma kiesaħ; għaldaqstant man-numru li hemm bħalissa mistenni li jiżdied chiller ieħor ħalli b’hekk ilaħħaq mad-domanda li hemm bżonn.
One News tkellem mal-Inġinier Ramon Tabone li huwa nkarigat mill-proġett, fejn indika l-ħtieġa għal din il-bidla:
Tabone spjega li “Dan l-aħħar, is-sjuf li kellna, kellna problemi għax ma bdejniex inlaħħqu minħabba li kienu antiki ma kienux qed ilaħħqu mal-capacity li suppost jagħtu- bi prodott ġdid se jkollna kapaċità aħjar ta’ cooling.”
Dawn iċ-chillers li qegħdin isiru b’investiment ta’ €6.5 miljun ser iservu għal 15-il sena.
Il-kuntrattur inkarigat minn dawn iċ-chillers huwa obbligat li jipprovdi l-manutenzjoni kollha u kontinwa li hemm bżonn tul iż-żmien kollu.
Dan ser isir permezz ta’ apparat għal tal-apposta li jħares kif ukoll jikkontrolla s-sistema li tikkontribwixxi lejn monitoraġġ kontinwu u flistess waqt tkun iggarantita l-effiċjenza tat-tħaddin ta’ dan l-apparat il-ġdid.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, dawn iċ-chillers għandhom sistema revoluzzjonarja li twassal sabiex it-temperaturi jlaħħqu sa massimu ta’ 55 gradi celsius.
Id-Direttur tal-Inġinerija fl-Isptar Materi Dei Noel Psaila qal li kollox huwa għaddej skont kif inhu pjanat:
Psaila qal li “Bħalissa qegħdin naqilgħu chiller chiller- qljana chiller antik u poġġejna ieħor floku ttinvolvi hafna pjanijiet u hafna loħistika imma bħalissa għaddejjin skont kif inhu ppjanat.”
F’qasir żmien, iċ-chillers li diġa tweħlu mistennija li jinxtelgħu sabiex isiru l-eżamijiet kollha neċessarji fejn eventwalment dawn jibdew jitħadmu u jofru l-aqwa sistema ta’ arja kkundizzjonata kemm għall-pazzjenti kif ukoll għall-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei fejn isiru aktar minn 10,000 intervent kuljum.