B’investiment ta’ €6.5 miljun ser tkun implimentata sistema ta’ diġitalizazzjoni tas-settur marittimu ta’ pajjiżna.
Dan wara li b’fondi Ewropej tlestew studji ta’ kif Malta tista’ tkun l-ewwel ġurisdizzjoni marittima li timplimenta d-diġitalizazzjoni tas-servizzi tagħha.
B’hekk dan is-settur ta’ pajjiżna ser iservi bħala proġett pilota biex jiġi implimentati minn Reġistri oħra fl-Unjoni Ewropea.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn il-Ministru għat-Trasport Ian Borg stqarr kif għall-ewwel darba fl-istorja, filwaqt li l-bandiera Maltija żammet postha bħala l-akbar reġistru merkantili fl-Ewropa u s-sitt post fid-dinja, r-reġistru kwalifika mal-aqwa 20 reġistru f’dik li hija lista l-bajda tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi.
Ġie spjegat kif sal-aħħar tas-sena li għaddiet in-numru ta’ bastimenti rreġistrati kien ta’ kważi 9,300 bastiment.
Żieda ta’ 2.2% fuq sena qabel.
Din l-industrija tiġġenera aktar minn 14% tal-Prodott Domestiku Gross ta’ pajjiżna b’din l-attività biss tħalli €24 miljun lil Transport Malta tul is-sena li għaddiet.
Il-Ministru Ian Borg stqarr kif fl-aħħar disa’ snin, ir-Reġistru Malti kważi rdoppja t-tunnellaġġ reġistrat bid-dħul iġġenerat jiżdied b’aktar minn 82% fuq l-2012.
“Mhux biss allura ħabbarna l-mod ta’ kif kbirna, ta’ kif irdupjajna fl-aħħar disa’ snin din l-amministrazzjoni rdupjat ir-reġistru, imma li issa se nkunu l-ewwel fl-Ewropa illi jkollna sistema diġitalizzata u allura dik tkompli ttejjeb l-effiċjenza. Tant li l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tuża l-mudell tagħna biex ġurisdizzjonijiet oħra Ewropew ikunu huma li jikkuppjawna.”