Il-programm LEADER se jgħin għaqdiet volontarji u kunsilli lokali fix-Xlokk u l-Majjistral ta’ Malta, kif ukoll f’Għawdex iwettqu proġetti li se jgħinu l-komunitajiet rispettivi tagħhom. Il-programm fil-fatt se jagħti aktar minn sitt miljun ewro ġejjin minn fondi Ewropej għal dan l-għan.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan kollu se jwassal għal bidla aktar pożittiva f’dawn ir-reġjuni tal-Gżejjer Maltin, u fisser mill-ġdid l-importanza li dawn it-tip ta’ proġetti jħallu wkoll impatt fuq livell nazzjonali.
Huwa stqarr: “Il-programm LEADER huwa programm li permezz tiegħu jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea, numru ta’ lokalitajiet ġewwa pajjiżna. Jibbenifikaw Kunsilli Lokali kif ukoll organizzazzjonijiet volontarji għal diversi proġetti ta’ interess.”
Rappreżentati minn għaqdiet li se jkollhom sehem fil-programm laqgħu b’sodisfazzjon il-fatt li diversi organizzazzjonijiet lokali għandhom iċ-ċans jibbenefikaw minn dan il-programm, u li dan se jkun utli biex ikompli jiġi riġenerat fost l-oħrajn l-aspett rurali ta’ Għawdex,
Fost dawk li se jibbenfikaw minn dan il-programm hemm il-Brigata Salesjana, li se tuża dawn il-fondi għal tisbiħ naturali, kif spjega l-Kaptan Leonard Falzon.
Huwa qal: “Aħna ħadna l-opportunità biex insebbħu l-area ta’ madwarna, nkunu nistgħu nagħmlu xi pjanti u nagħmlu art ġdida biex kemm ingawduha aħna bħala grupp u kemm igawduha n-nies li jkunu għaddejjin minn din l-area.”