Kważi ħames mija u tnejn u tmenin elf ewro nġabru mingħand il-poplu waqt il-maratona ‘L-Aħħar Pass’, b’riżq l-organizzazzjonijiet Hospice Malta. Il-maratona xxandret fi tmiem il-ġimgħa, fost l-oħrajn, fuq l-istazzjon ONE bejn il-ħdax ta’ filgħodu u l-ħdax ta’ filgħaxija tal-Ħadd.
Dawn il-fondi se jkunu qed jintużaw biex jitlesta l-proġett tar-residenza, St. Michael Hospice, f’Santa Venera. Maratona simili bl-istess għan kienet ittellgħet is-sena li għaddiet fejn kienet inġabret is-somma ta’ aktar minn erba’ mija u sittin elf ewro, waqt li fl-2021 il-Gvern Malti pprovda s-somma ta’ tmin miljun ewro għal dan il-proġett deskritt nazzjonali.
Hospice Malta, li hi għaqda mhux governattiva, tipprovdi kura paljattiva, lill-pazjenti kollha li jkollhom bżonnha. Minbarra hekk, tipprovdi tagħlim lill-professjonisti biex ikunu jistgħu jassistu aħjar.
Aktar minn 1,400 pazjent kull sena jingħataw l-għajnuna mill-Hospice Malta mingħajr ħlas. Issa s-St Michael Hospice se tkun l-ewwel residenza għall-kura paljattiva f’Malta u mistennija li tiftaħ il-bibien tagħha fil-ġimgħat li ġejjin.
Hospice Malta tassisti pazjenti li jkunu qed isofru minn diversi mard u kundizzjonijiet, fosthom il-kanċer, l-ALS, kundizzjonijiet respiratorji, tal-qalb, tal-kliewi jew tal-fwied, kif ukoll kundizzjonijiet oħrajn.
Dawk li jixtiequ jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom jistgħu jagħmlu dan fuq is-sit ta’ Hospice Malta. Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, Bernardette Bonnici Kind, irringrazzjat lill-poplu Malti, tal-ġenerożità tiegħu fi tmiem il-ġimgħa.