L-istat ġie ordnat iħallas ftit iktar minn nofs miljun ewro f’kumpens lil sid ta’ propjetà kummerċjali fil-Belt Valletta.
Dan wara li kien imċaħħad milli jgawdi l-propjetà għal 32 sena minħabba sitwazzjoni kkawżata mill-liġi antika tal-kiri. Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’ġurisdizzjoni kostituzzjonali semgħet kif propjetà fi strada Merkanti mikrija fl-1964 għal 400 lira fis-sena u propjetà fi Triq San Pawl għal 100 lira fis-sena kellha tibqa’ tinkera b’dak l-ammont mingħajr il-possibilità li titwaqqaf il-kirja.
B’emendi fl-2009, mill-2010 il-kirja bdiet tiżdied bi 15% annwalment sal-2013 u mbagħad b’5% sal-2014. Iżda għalkemm saru dawn l-emendi l-Qorti ddeċidiet li l-istat kien falla milli jipproteġi d-drittijiet tas-sidien.
L-avukati li dehru għar-rikorrent spjegaw kif il-kirja fl-2019 kienet ta’ kważi €2,600 pagabbli kull sitt xhur minn qabel u dan l-ammont kien żgħir wisq meta mqabbel ma’ dak li l-propjetà ġiet tiswa fuq is-suq.