Il-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, ħareġ b’ħamest elef u sitt mitt ewro f’multi marbuta mal-iskart f’erba’ każijiet li fl-aħħar ġimgħat, ġew ikkontestati.
L-ewwel każ kien marbut ma’ inċinerazzjoni tal-iskart li kien qed isir fil-kampanja, fejn kien qed jinħaraq nar b’duħħan kbir iswed waqt li kien qed jinħaraq skart imħallat, li kien jinkludi dokumenti u ġugarelli tal-plastik. Il-persuna responsabbli ġiet identifikata u ngħatat struzzjonijiet biex tneħħi l-fdalijiet li tħallew min-nar. Hawnhekk inħarġet multa amministrattiva ta’ elf u mitejn ewro.
Fit-tieni każ, li seħħ fin-naħa t’isfel ta’ Malta, inħarġet multa amministrattiva ta’ elf u erba’ mitt ewro wara sejba ta’ molol tas-sodod, polystyrene u skart imħallat ieħor li kien qed jiġi inċinerat, inkluż sett kbir tat-televixin.
Inħarġet ukoll multa ta’ elf u mitejn ewro lil trasportatur tal-iskart li ddepożita biss parti mill-iskart goff miġbur f’Civic Amenity Site u saq bl-iskart li kien fadal fil-vettura tiegħu. Dan mhux permessibbli skont il-liġijiet li jirregolaw dawn l-attivitajiet.
Multa oħra ta’ sitt mitt ewro nħarġet għal operatur li nqabad iġorr l-iskart mingħajr il-liċenzja neċessarja tal-ġarr tal-iskart.
Mill-bidu tas-sena ’l hawn, l-ERA ħarġet tmenin multa għal ksur tal-liġi simili marbut mal-iskart; bit-total tal-multi jaqbeż l-erbgħa u disgħin elf ewro.