Matul is-sena li għaddiet l-esportazzjoni industrijali żdiedet b’€556 miljun ewro. Dan huwa kkonfermat minn tagħrif tad-dwana li juri li fuq is-sena ta’ qabel kien hemm żieda ta’ 25%.
Fost is-setturi fejn kienet osservata żieda hemm prodotti tal-plastik, ġugarelli u farmaċewtika. Filwaqt li l-maġġor parti taż-żieda fl-esportazzjoni kienet lejn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.
Fl-istess ħin stqarrija maħruġa mill-Ufficju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, tindika li wara li fl-2016 il-produzzjoni industrijali dejjem kienet ogħla mill-istess xahar sena qabel, f’Diċembru 2016 kien hemm tkabbir ta’ 4.7%.
Iż-żieda rreġistrata din is-sena seħħet minħabba tkabbir ta’ 11.5% fil-produzzjoni ta’ prodotti intermedjarji. Din is-sena kien hemm żieda ta’ 5.9% fil-produzzjoni ta’ prodotti kapitali mentri naqset bi 3.1% dik ta’ oġġetti għall-konsum.
Mhux ta’ b’xejn li skont stħarriġ li jkejjel il-kunfidenza fl-industrija, il-maġġoranza tal-kumpaniji qed jistennew titjib fil-produzzjoni fix-xhur li ġejjin wara t-tisħiħ fl-ordnijiet li kellhom fl-aħħar ftit xhur. Fil-fatt dawn għandhom ordnijiet biżżejjed għas-seba’ xhur li ġejjin, kważi d-doppju tal-medja fiż-Żona Ewro. Dan se jwassal lil dawn il-kumpaniji biex jippruvaw iżidu l-impjiegi fil-fabbriki tagħhom.
Dan anke jekk mill-bidla fl-amministrazzjoni ’l hawn diġà kien hemm żieda ta’ 500 impjegat full-time fis-settur tal-manifattura, kontra l-2,000 sensja li kien hemm fil-ħames snin ta’ qabel. Minkejja li kellna żieda fl-esportazzjoni industrijali, fl-importazzjoni ta’ makkinarju intiż għal investiment, fl-impjiegi u fl-ottimiżmu, l-Oppożizzjoni għadha ssostni li l-industrija kollha kemm hi sejra ħażin.
Dan billi tiffoka fuq każijiet partikolari fejn hemm għawġ li ġej minn sitwazzjonijiet internazzjonali. Ir-realtà hi li mill-bidla tal-amministrazzjoni ’l hawn l-investiment dirett barrani fil-qasam tal-manifattura żdied b’€333 miljun u issa jaqbeż il-€1.1 biljun.