Il-Kummissjoni Ewropea approvat valutazzjoni preliminari pożittiva tat-talba għall-pagament ta’ Malta għal €52 miljun f’għotjiet tal-Pjan ta’ Rkupru li ġejjin minn fondi Ewropej.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Kummissjoni Ewropea, li fiha ntqal li dan ifisser li Malta għaddiet mill-proċess kollu tal-Kummissjoni Ewropea f’pass ieħor importanti biex pajjiżna jakkwista l-fondi minn din il-faċilità.
Kien f’Diċembru li għadda meta Malta ppreżentat talba għall-pagament lill-Kummissjoni Ewropea wara li l-gvern Malti laħaq b’suċċess tliet miri u sittax-il stadju importanti.
Dawn jinkludu miżuri importanti bħall-adozzjoni ta’ strateġija biex jitnaqqas l-iskart permezz tar-riċiklaġġ fis-settur tal-kostruzzjoni, l-introduzzjoni ta’ faċilitajiet għall-uffiċċji li jippermettu lill-impjegati taċ-ċivil jaħdmu b’remote working, riformi biex tingħata spinta lir-riċerka u l-investimenti industrijali, strateġija nazzjonali kontra l-frodi u l-korruzzjoni, u l-qalba diġitali tas-sistema ġudizzjarja.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li Malta se tingħata dawn il-fondi wara li Malta wettqet b’suċċess ir-riformi u l-investimenti li kellha twettaq.
Hija nnutat b’mod pożittiv l-isforzi ta’ pajjiżna fejn tidħol is-saltna tad-Dritt u biex tissaħħaħ il-ġudikatura.
Tkellmet dwar kif il-gvern Malti ressaq ’il quddiem strateġiji importanti fejn jidħol investiment fl-industrija tal-innovazzjoni, l-ekonomija ċirkolari, u l-bini ta’ skejjel aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Ritratt: Deutsche Welle