€519,721 kienu miġbura b’risq id-Dar tal-Providenza fit-12-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball li spiċċat il-Ħadd f’nofsillejl u kienet mxandra fuq l-istazzjonijiet ONE.
Il-parteċipanti lagħbu tlieta u ħamsin siegħa, minkejja s-sħana, filwaqt li wrew solidarjetà mad-Dar tal-Providenza.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Matin Micalled innota l-ispirtu altruistiku rifless f’dawk kollha li ħadu sehem u numru sabiħ ta’ voluntiera li f’dawn it-tliet ijiem urew ritratt mill-isbaħ tal-Maltin u l-Għawdxin li ssibhom dejjem minn ta’ quddiem meta jiġu għas-solidarjetà.
Kien il-President ta’ Malta, George Vella li fetaħ din il-Maratona u li aċċenna għall-ħidma li twettaq kuljum id-Dar tal-Providenza u li qed tkompli twettaq bl-istess enerġija u determinazzjoni tal-fundatur tagħha Mons. Mikiel Azzopardi.
Il-Predisdent Vella temm jgħid li din il-maratona hija okkażjoni biex il-poplu Malti kollu jingħaqad flimkien biex bid-donazzjoni tiegħu jipprovdi lill-persuni b’diżabilità residenti tad-Dar tal-Providenza b’dak kollu li għandhom bżonn u li fuq kollox huwa d-dritt tagħhom.
L-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi ikkonċelebra flimkien ma’ Fr Martin fil-kappella tad-Dar il-Ħadd fejn stqarr li d-Dar hija ċelebrazzjoni ta’ mħabba u ta’ għożża b’messaġġ qawwi għal kulħadd.
Huwa semma’ tliet aspetti tad-Dar tal-Providenza l-għożża tal-ħajja, l-inklużjoni u s-solidarjetà mal-persuni b’diżabilità.