Il-Partit Laburista ngħata sinjal ta’ appoġġ mill-poplu Malti u Għawdxi b’€516,896 f’donazzjonijiet. F’maratona ġbir ta’ fondi ta’ kważi 8 sigħat kienu bosta li żaru ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun. Eluf oħra ċemplu bid-donazzjoni tagħhom filwaqt li għexieren ta’ volontiera għamlu din il-maratona possibbli.
F’intervista, l-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Sinjura Michelle Muscat tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom tul l-aħħar 11-il sena li matulhom Joseph Muscat mexxa lill-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna: “Fl-aħjar tal-kapaċitajiet tiegħi dejjem pruvajt nieħu l-aħjar deċiżjoni li nista’. Ġieli kien hemm kulħadd jaqbel miegħi, ġieli ma kien hemm ħadd jaqbel miegħi meta ħadtha. Huma x’inhuma d-deċiżjonijiet kollha nagħmilhom tiegħi. Ma ngħidx għax tajba ħadtha jien u għax ħażina ħadha ħaddieħor. It-tajjeb u l-ħażin li għandi fuqi nġorru kollu jien u ngħid li dawk huma affarijiet li jien responsabbli għalihom għaliex fl-aħħar mill-aħħar dak huwa xogħli li nġorr ir-responsabbiltà.”
Din kienet l-aħħar maratona ġbir ta’ fondi ta’ Joseph Muscat bħala Mexxej Laburista, u għalhekk ħa l-okkażjoni jiltaqa’ ma’ kull min kien preżenti u wieġeb xi telefonati mal-bqija tal-amministrazzjoni tal-Partit.
Min-naħa tagħha mart il-Prim Ministru, is-Sinjura Michelle Muscat, tenniet is-sentiment ta’ bosta f’dan il-mument delikat għall-pajjiż.
“Kollha juruk sinjal wieħed li jridu li r-riċetta ta’ Joseph Muscat ma tibqax ta’ Joseph Muscat imma tibqa’ tal-Partit Laburista jkun min ikun il-Kap u n-nies jibqgħu leali għall-Kap li jmiss. Jien ħdimt mal-kapijiet ta’ qabel u ħaġa ngħid, sakemm ikun hemm il-Kap ta’ dak il-Partit, nibqgħu leali lejh, xħin jiġi l-Kap il-ġdid nibqgħu warajh għax il-pajjiż jistħoqlu biss Moviment Laburista”,